Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Valentino: Rodolfo u l-fjuri

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Jum San Valentinu għadda wkoll. Huwa jum popolari ħafna ddedikat lill-qaddis. Iżda ma kienx il-qaddis l-aktar Valentino popolari mad-dinja. Insibu lil Valentino Rossi tal-muturi u Valentino d-disinjatur tal-moda fost oħrajn. Imma Valentino ieħor li kien ħoloq furur speċjalment mas-sess femminili mal-mitt sena ilu kien Rodolfo Valentino.

Dan kien ikona ta’ Hollywood li għex bejn is-snin 1895 u 1926. Rodolfo twieled fl-Italja u xejn ma kien tajjeb fl-iskola u kellu jmur fi skolka tal-biedja f’Ġenova. Huwa mar Pariġi imma reġa’ lura pajjiżu sakemm telaq lejn l-Amerika forsi jsib futur aħjar. Hemmhekk għamel ħafna xogħlijiet sakemm ix-xorti wasslitu Hollywood.

Kien sex symbol fi żmien il-films silent, Latin lover. Kien ġennen ħafna nisa għal warajh; mhux biss għax kien raġel sabiħ, iżda wkoll minħabba x-xeni ta’ mħabba fil-films tiegħu li għal żmienu kienu erotiċi u avant-garde wisq.

Rodolfo Valentino miet ta’ eta` zghira… ta’ 31 sena. L-aħbar tal-mewt tiegħu irriżultat anki fi rvellijiet f’Manhattan minn nisa segwaċi tiegħu. ‘Il fuq minn mitt elf ruħ attendew il-funeral tiegħu fi New York u sa llum ismu għadu wieħed mill-kbar nett fost l-artisti ta’ Hollywood.

Imma lura dwar Jum San Valentinu. F’Malta bħal pajjiżi oħrajn, f’dawn il-jiem jinbiegħu ħafna fjuri. Minn xi snin ‘l hawn f’Malta anki vannijiet qed naraw ibiegħu “l-imħabba.” Imma dawn il-fjuri tal-imħabba jiswew ħafna aktar mill-fjuri l-oħrajn… għax San Valentinu sar jum ieħor iddominat min-negozjanti… li jagħmlu kollox bi mħabba…

Kemm sar magħruf dan Jum San Valentinu
il-favorit tal-koppji maħbubin
trassis, tgħanniq u bews qatt ma jispiċċa
igawdu ‘ktar mis-soltu lil xulxin

U mhux bilfors li f’dan iż-żmien titrassas?
f’dan l-istagun ta’ xita, silġ u bard?
Ar’ jekk ikollok riħ, trid toqgħod lura
għax bit-trassis jixtered anke l-mard…

Ma jonqsu qatt iċ-ċfuf, bizzilla, frilli
il-qlub, il-bżieżaq ħomor, u xi “card”
bi kliem ilellex fuqhom mimli mħabba,
bukketti ħomor nar bil-qronfol, ward

‘Mma l-aktar illi jgawdi din l-imħabba
m’hemm ebda dubju, huwa tal-ħanut;
lil dawn il-koppji li b’xulxin ferħana
bi mħabba… jiżvujtalhom anki l-but.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN