Joe Julian Filgħodu
Kurżitajiet

Victor Galdes – it-tieni parti

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Fl-ewwel ġimgħa li fetaħ it-televiżjoni, Victor Galdes kellu programm li kien jismu X’Jista’ Jkun. Dan kien ixxandar għall-ewwel darba fit-2 ta’ Ottubru 1962 bejn is-19.30 u t-20.00. Kien kwizz li jlaqqa’ rħula u bliet differenti f’taqtiegħa ta’ tagħrif li dam għal ħafna żmien u ntrebaħ mill-Mosta.

Mhux possibbli nsemmi l-programmi kollha li kien jippreżenta Victor. Uħud li jiftakruhom ħafna nies huma: Nidħku Flimkien, Karambola, Mill-Barumbara u Ftit Minuti ma’ Victor Galdes. Għat-televiżjoni kellu fost l-oħrajn Talent 67, Telqu, u Fejn Laqat Laqat. Dawn minbarra l-kummentarji ta’ okkażjonijiet speċjali li jinkludu l-Karnival għal ħafna snin ma’ Effie Ciantar mill-gallarija tal-Palazz.

Xi kummentarju emozzjonali kien l-ispeċjalità ta’ Victor u t-traġiku kien jaf jivviżwalizzah anki minn fuq ir-radju. Kellu ħabta wkoll kif joħloq l-effetti bil-ħsejjes u fost oħrajn kien ħoloq l-effett tat-terremot waqt ir-radjudramm tal-Passjoni.

Bħala preżentatur magħruf, Victor kien jintalab imexxi diversi rappreżentazzjonijiet u fost oħrajn mexxa s-serati ta’ Miss Malta għal xejn inqas minn 13-il sena.

Victor kien attur ukoll. Għamel żmien twil mal-kumpanija Stage Commandos u kien fost il-grupp ta’ atturi li kienu jxandru x-xandiriet dwar Karmena Abdilla fuq ir-Rediffusion waqt ir-Radju Muskettieri. Dan id-dramm komiku tant kien suċċess li daru s-swali kollha f’pajjiżna bil-kummiedja It-Tieġ ta’ Karmena Abdilla ta’ Charles Clews. Victor kien jaħdem il-parti ta’ Vitor tal-Laħam.

Wara li rtira bl-età fl-1984, Victor xorta kien jagħmel programmi bħal Tiritombla u oħrajn kemm għar-radju kif ukoll għat-televiżjoni. Kien anki jippreżenta ljieli Maltin għat-turisti f’lukanda f’Buġibba biex jibqa’ dejjem attiv.

Fl-1951, Victor iżżewweġ lil Pauline imwielda Buttigieg mill-istess triq tiegħu, Triq il-Punent fil-Belt. Kien żewwiġhom Patri Wistin Born, il-bestman kien Charles Arrigo u wieħed mix-xhieda kien Hamilton Hill. Victor u Pauline għamlu sitt snin joqgħodu fi Triq Villambrosa l-Ħamrun u wara marru fi Triq il-Freres f’Tas-Sliema. Huma kellhom iben wieħed: Albert Paul.

Victor kellu karattru ċajtier u metodiku ħafna. Ma kont tarah qatt imdejjaq minkejja li għadda minn ħafna problemi minħabba saħħet martu. Kien raġel kalm u paċenzjuż u jekk iħoss il-bżonn li jikkoreġi lil xi ħadd, kien jagħmel dan b’mod ċajtier biex dak li jkun ma jħossux insulentat.
L-akbar passatemp tiegħu kien il-qari. Kien jaqra bil-Malti, Ingliż u Taljan u jagħmel dan il-ħin kollu. Anki waqt ħin l-ikel, dejjem b’xi ħaġa maġenbu biex jaqra.

Kien iħobb ħafna ċ-ċinema u darbtejn fil-ġimgħa kien jieħu l-familja t-talkies. Minkejja li kellu ħafna favoriti, l-attur li dejjem baqa’ jsemmi kien Tyrone Power u l-film li qatt ma nesa kien Blood and Sand.

Baqa’ jħobb ħafna l-mużika tal-opra u operetta. Il-kompożitur favorit kien Giacomo Puccini u l-opra Cavalleria Rusticana. Bħala sport kien jgħaddi siegħa jilgħab il-boċċi ma’ sħabu u fil-futbol kien iżomm mat-tim nazzjonali Ingliż u bħala klabb…. Juventus!

Victor Galdes miet nhar is-17 ta’ Marzu 2004 fl-età ta’ 80 sena. Leħnu m’għadux jinstema’ fuq ix-xandir, iżda l-esperjenza, it-teknika fil-komunikazzjoni u l-karattru ċajtier tiegħu jibqgħu għal dejjem monument lix-xandir u x-xandara f’Malta.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN