Joe Julian Filgħodu
Kurżitajiet

Victor Galdes – l-ewwel parti

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Ir-Rediffusion kien l-ewwel mezz ta’ komunikazzjoni popolari f’Malta. Ix-xandir kien ipprovdut permezz tal-fili minn xibka mferrxa fit-toroq tal-bliet u rħula tagħna. Mill-kaxxa ħadra b’toqba f’nofsha kienu jinqabdu żewġ tipi ta’ xandiriet; waħda bil-Malti u l-oħra bl-Ingliż, l-aktar bi programmi tal-B.B.C. Wieħed mill-ewwel xandara Maltin kien Victor Galdes, wiċċ u leħen familjari li għal żmien twil sar parti minn kull familja fid-djar tagħna mxerrdin maż-żewġ gżejjer.

Victor Galdes twieled nhar is-6 ta’ Mejju 1923 fil-Belt Valletta. Huwa kien l-uniku iben ta’ Agostino u Carmela Mifsud. Ommu kienet mietet ta’ età żgħira u Victor baqa’ joqgħod ma’ missieru l-Belt.

Ħa l-edukazzjoni tiegħu fil-Kulleġġ ta’ Santu Wistin fil-Belt u meta tfarfar kien membru fl-Azzjoni Kattolika u fil-mużew. Kien iħobb ħafna l-opra u kien jifforma parti mill-kor tat-Teatru Rjal.

L-ewwel xogħol tiegħu kien fi spiżerija l-Belt fejn kien jgħin fil-bejgħ. Hemmhekk kien sab ċans li jtejjeb il-livell tal-qari tiegħu minħabba li fl-ispiżerija kien ikun hemm ħafna gazzetti u magazines barranin li Victor kien joqgħod jaqra kull meta jkollu mument kwiet.

Wara, fi żmien il-gwerra, kien daħal fir-Royal Air Force bħala wireless operator fl-uffiċċju meteorjoloġiku u kien l-uniku Malti b’dak il-grad. Fi tmiem il-gwerra, imbagħad, daħal mal-International Radio jirċievi u jaqra l-messaġġi li jintbagħtu mill-Afrika ta’ Fuq għas-servizzi Ingliżi.
Missier Victor kien partitarju kbir ta’ San Pawl u l-Banda La Valette u dejjem kien jieħu lil ibnu miegħu biex jisimgħu il-banda ddoqq.

Għall-okkażjoni tal-festa ta’ San Pawl fl-1947, il-banda kienet se tirrekordja sett ta’ marċi ġodda biex jixxandru fuq ir-Rediffusion. Victor talab li jagħmel il-kummentarju hu. It-talba tiegħu intlaqgħet u l-kumpanija Ingliża bagħtet lil Charles Arrigo biex jiggwidah. L-interess tiegħu fix-xandir baqa’ jikber u daħal bħala part-timer mar-Rediffusion li dak iż-żmien kien ixandar min-Knights’ Hall fil-Belt, fejn illum hemm Dar il-Mediterran.

Fost l-ewwel programmi tiegħu kellu wieħed ma’ Charles Arrigo għad-dilettanti tal-films. Fuq il-kanal bl-Ingliż kien jixxandar programm simili ppreżentat minn Kapural Ingliż u l-materjal kien ikun tradott għall-Malti.

Victor kien jikkummenta wkoll xi quddiesa ma’ Charles Arrigo. Fil-Milied tal-1949, kien xogħol sat-tard f’Ħal Luqa u wara baqa’ sejjer il-knisja ta’ San Gejtanu l-Ħamrun biex ma’ Charles jikkummenta l-quddiesa ta’ nofs il-lejl. Bla dubju waqt quddiesa bħal dik ikun hemm ħafna nies li jersqu għat-tqarbin u f’ħin bħal dak, meta qed tikkummenta għar-radju, ftit issib xi tgħid. Victor ġietu l-idea li sakemm jispiċċa t-tqarbin jirreċitaw vista lil Ġesù Sagramentat. Charles qal l-ewwel ġakolatorja, Victor qal it-tieni waħda… iżda x’ħin ġew għat-tielet parti, insewha t-tnejn… u kellhom jaraw kif idawwru d-diskors biex ma jinstemgħux li ma jafuhiex!

Xi ftit taż-żmien wara, kienu tkeċċew l-announcers minn mar-Rediffusion minħabba dixxiplina. Hamilton Hill, il-kap tar-Rediffusion f’Malta, ried announcers ġodda u talab lil Victor jidħol full-time. Dan kien imdejjaq jaħdem l-iljieli mal-International Radio u laqa’ t-talba ta’ Hill. Maż-żmien, ir-Rediffusion mar fi Triq Melita, dak iż-żmien Brittania Street.

Kien intbagħat l-Ingilterra biex ħa kors għand il-B.B.C. u ġie l-ewwel. Kien jippreżenta u jipproduċi programmi diversi fosthom Evviva l-Operetta. Maż-żmien, ir-Rediffusion kien jeħtieġ spazju ikbar u mexa lejn Gwardmangia fejn infetaħ ukoll l-istazzjon televiżiv.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN