Radju Kafé
Kurżitajiet

Viva l-jiem tal-Karnival

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

“Jgħajtu x-xjuħ u jgħajtu t-tfal… Viva l-jiem tal-Karnival.” Hekk jgħid l-innu tal-Karnival li kien kiteb Johnnie Catania. Għax dawk li jħobbuh issib minnhom ta’ kull età, minn tfal sa xjuħ.

Ngħid għalija meta kont tifel kont inħobbu. Ma kontx inħobbu biss għax kien ikollna jumejn bla skola. Kienu jkunu tlett ijiem differenti mill-bqija. Kont nara lil sħabi lebsin differenti mis-soltu. Ma kienx hawn kostumi sinjuri bħal-lum. Ħadd ma kien jiflaħ jixtri l-lussu ta’ kostumi li jilbsu t-tfal illum.

Konna mmorru l-Belt biex naraw l-isfilata l-Ħadd jew it-Tlieta… jew id-darbtejn. Postna man-Nanna Lureta kien dejjem fuq it-taraġ tat-teatru l-imwaqqa’.  U l-isfilata kienet iddur darbtejn. Tidħol minn Putirjal, tinżel Strada Rjali, tiġi lura minn Strada Merkanti u ddur madwar it-teatru biex terġa tibda triqitha lejn Strada Rjali. Il-karrijiet ma kinux ikunu kbar daqs ta’ llum imma bħala tifel żgħir kont narahom enormi. Lanqas dwal fuq il-karrijiet ma kienu  jeżistu. Dawk bdew meta bdiet issir l-isfilata l-Furjana t-Tlieta wara nżul ix-xemx.

Kien żmien ieħor. Fl-isfilata kienu jieħdu sehem il-karozzini u l-karrettuni. Darba niftakar żiemel jisfratta maġenb it-teatru u ħarbat parti mill-isfilata. Niftakar ukoll karrijiet żgħar taż-żufjett; xi banju u ħafna rġiel taparsi qegħdin jaħslu raġel fih u taparsi jitfgħulu t-trab tal-ħasil u min jaf x’aktar… u nies tidħak u tiżżufjetta.

Kien ukoll żmien meta l-karrijiet ma kienx ikollhom sistema sħiħa tad-daqq fuqhom… kważi diskoteka fuq kull karru bħal-lum. Għax qabel fl-isfilata d-daqq kienu jipprovduh il-baned. Il-bandisti kien ikollhom kostum ukoll u jikkompetu bejniethom, bħall-karrijiet u l-maskri grotteski, biex jirbħu premju.

Darba lili libbsuni ta’ Charles Chaplin. Xejn speċjali, libbsuni ġlekk u nqalziet iswed u xtrawli maskra ta’ Chaplin. Niftakar ħaduni wkoll il-Barrakka ta’ Fuq biex joħduli ritratt.

Illum aktar sirt inħobb Karnival ftit differenti. Sirt inħobb il-Karnival ta’ Ħal Għaxaq, karnival spontanju aktar minn tan-Nadur. U nittama ma jiġrilux bħal tan-Nadur u jsir kummerċjali aktar minn tal-Belt. Forsi għadu hekk għax mhux kulħadd għadu jaf bih. U jalla jibqgħu ma jafux bih…

U jekk il-Karnival huwa tlett ijiem, issib min il-Karnival għalih huwa s-sena kollha. Mhux qed ngħid għaż-żufjett u l-isfilati, imma għal dawk il-foloz li jilbsu maskra s-sena kollha. U dawn, l-aktar li ssib minnhom, la jkunu xjuħ u lanqas tfal…

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN