Joe Julian Filgħodu
Kurżitajiet

Vrumm Vrumm

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Fid-dinja ssib dilettanti ta’ kollox. U f’pajjiżna wkoll. Issib min iħobb il-kampanja, min iħobb il-baħar, min jippreferi jara logħba futbol, min jara t-tiġrijiet taż-żwiemel u min iħobb il-karozzi. U dawn tal-aħħar dejjem ippruvaw isibu xi mkien fejn jipprattikaw l-isport tagħhom mingħajr ma jipperikolaw it-traffiku fit-toroq. Avolja minn dejjem issib lil xi ħadd li joqgħod jgħaqqadhomlha anki f’xi triq passaġġa.

Fis-snin 70 u 80 kienet moda li ħafna dilettanti tal-karozzi jinġabru Ta’ Qali joqogħdu juru kemm il-karozza tagħhom kapaċi tiġri. Anki f’Ħal Far kien jiġri l-istess. Is-Sibt u l-Ħadd, kmieni wara nofsinhar tara ħafna karozzi armati, jagħmlu ħsejjes aktar mis-soltu deħlin Ta’ Qali jew Ħal Far. Dawn iż-żewġ postijiet kienu fl-imgħoddi airports militari u allura wara li ma baqgħux jintużaw għall-ajruplani, ir-runway fiż-żewġ postijiet kienet ideali għat-tlielaq; triq għad-dritt fejn f’tellieqa bejn żewġ vetturi stajt tagħfas il-gass kemm tiflaħ. Minħabba li kien ikun hemm ħafna dilettanti, kien ikun hemm anki karozzi li ma jtellqux, imma sempliċiment għall-wirja; ikunu armati sbieħ, tyres ibblakkati jleqqu, il-chrome tara wiċċek fih u minn ġewwa ma tarax traba. U ħallihom jitkellmu dwar x’għamlu lill-karozza u minn fejn xtraw xi parts jew għand min setgħu jarmaw il-vettura bl-inqas spejjeż imma bl-akbar professjonalità. Insomma dak iż-żmien, Ta Qali u Ħal Far wara nofsinhar kienet xalata għal dawk kollha li jħobbu l-karozzi.

Ma kienx hemm biss sigurtà. Għax dawn kienu runways u d-dilettanti jtellqu fihom bla lqugħ għal min qiegħed jara. Maż-żmien Ħal Far ġie żviluppat u llum it-tlielaq isiru b’aktar sigurtà.

Id-dilettanti tal-karozzi kellhom post ieħor fejn isegwu l-isport tagħhom. It-telgħa tal-Imtaħleb, bid-dawrien u tlajja’ weqfin tagħha hija ideali għall-hillclimb; karozzi jiġru waħda waħda, jittieħed il-ħin u jitqabbel mal-ħin tal-karozzi l-oħrajn. Hawn ukoll sigurtà wisq m’hemmx, anzi ssib nies li joħorġu f’nofs tat-triq biex jaraw il-karozza ġejja, imbagħad xħin iddur id-dawra jmorru jiġru mal-ġenb biex ma jintlaqtux.

Insomma kulħadd għandu l-isport favorit tiegħu…u tal-karozzi xejn inqas.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN