Radju Kafé
Kurżitajiet

Wenzu Jixwina

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Dawn il-jiem t’Awwissu dejjem ikunu sħan… anzi mhux sħan, imma jkunu jaħirqu u jikwu. Niftakar ftit snin ilu meta tant qam maltemp li San Lawrenz tal-Birgu baqa’ ma ħariġx, imma ma jfissirx li ma kinitx sħana. Awwissu huwa Awwissu u dak li tistenna mill-elementi.

San Lawrenz twieled fi Spanja, art sħuna, u miet f’Ruma l-Italja, art sħuna oħra. Ġej minn familja nobbli u jingħad li matul it-tqala tiegħu, ommu kienet tara dawl madwarha, li jfissruh bħala d-dawl li kellu jitfa’ Lorenzo fost il-pagani. Għamel ħabib ta’ oriġini Griega li ħadu miegħu Ruma. Matul it-triq it-tnejn ikkonvertew ħafna pagani. Dan il-ħabib tiegħu kien sar Papa Sistu II u lil Lorenzu poġġieh Arċidjaknu ta’ Ruma, qisu l-assistent tiegħu.

Fid-diżgwid li kien hemm bejn il-knisja u l-Prefett ta’ Ruma, il-Papa Sistu nqatel u l-Prefett allura dar fuq Lorenzu biex jgħaddilu r-rikkezzi tal-knisja. Dan ma obdiex, anzi qassam ir-rikkezzi lill-foqra ta’ Ruma. Jingħad li meta l-Prefett talab ir-rikkezzi lil Lorenzu, dan ippreżentalu lill-għomja, lill-magħtuba u lill-batuti u qallu li dawn huma r-rikkezzi veri tal-knisja.

Dan kollu wassal biex Lorenzu jingħata l-martirju. U ma kienx martiju bħall-oħrajn. Huwa tpoġġa fuq gradilja tal-ħadid bin-nar jaqbad taħtha. U naturalment ħass sħana ħafna aktar milli nħossu aħna fil-jum tiegħu fl-10 t’Awwissu ta’ kull sena. Minħabba n-natura tal-martirju tiegħu, San Lawrenz huwa l-protettur tal-koki u l-pumpiera tat-tifi tan-nar. Probabbli llum anki tal-BBQ’s.

Anzi l-leġġenda tgħid li hu u jitbaskat fuq in-nar, Lorenzu qalilhom biex idawruh għaliex kien sar biżżejjed minn dik in-naħa. Ma tantx tiċċajta f’mument bħal dak. Imma minħabba dik il-leġġenda, San Lawrenz sar ukoll protettur tal-komiċi.

Naturalment il-festa tiegħu issir kull sena fil-ġmiel tal-belt tal-Birgu. U l-knisja ta’ San Lawrenz quddiem il-baħar kien għamlet żmien il-Knisja Konventwali tal-Kavallieri meta waslu Malta fl-1530.

F’Għawdex ukoll issir festa lil San Lawrenz, fir-raħal li jġib ismu stess, dak ir-raħal li fih kien hemm it-tieqa tad-Dwejra. U ħasra li t-tieqa m’għadhiex teżisti… għax kieku f’dis-sħana niftħuha naqra għall-frisk

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN