Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Wenzu u Rożi

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Jekk il-koppja tradizzjonali Maltija hija magħmula minn Żepp u Grezz, daqstant ieħor hija popolari l-koppja Wenzu u Rożi. U saru parti mit-tradizzjoni wkoll. Huma koppja li kien ħoloqha l-avukat Ġorġ Zammit minn Ħal-Qormi. Minbarra avukat, Zammit kien ukoll kittieb u xandar. Kien jagħti pariri legali fil-programm fuq ir-Rediffusion bl-isem ta’ Siegħa tal-Morda ma’ Dun Mikiel Azzopardi. Lill-morda, Zammit ma kienx biss ikellimhom dwar il-liġi, imma kien jaqralhom ukoll xi storja li jkun kiteb. Darba fost oħrajn qralhom novella dwar żewġ personaġġi Wenzu u Rożi. Tant ingħoġbot mas-semmiegħa li baqa’ għaddej jikteb aktar ġrajjiet. Infatti Ġorġ ħareġ il-ktieb Wenzu u Rożi u Ħrejjef Oħra fl-1957 u aktar tard ħareġ ukoll Id-Dinja ta’ Wenzu u Rożi.

Wenzu u Rożi kienu koppja bla tfal. Hu kien nervuż u jħobb jixrob dik il-qatra nbid waqt li hi dejjem id-dar tagħmel ix-xogħol domestiku. Ftit kienet tgergirlu li kien imur jixrob l-inbid fil-ħanut ta’ Kurun. Imma magħhom kienet toqgħod ukoll oħt Rożi, Zolli, li kienet fuq tagħha mhux ħażin. U jekk Rożi kienet iċċedilu, Zolli le! Anzi kienet tħeġġeġ lil oħtha Rożi biex tiqaflu. U l-inkwiet dejjem ġej għal dal-povru Wenzu li ma jistax joqgħod ftit bi kwietu jgawdi naqra duwa tal-Madalena għand sieħbu Kurun!

Mir-Rediffusion u l-kotba, fis-snin sebgħin Wenzu u Rożi marru fuq it-televixin… u hemm saru popolari ħafna aktar. Xandir Malta kien ixandar episodju kull ġimgħa, bi stampa bl-iswed u l-abjad. Il-partijiet pronċipali kienu maħduma minn Narcy Calamatta u Mary Rose Bonello. Il-parti ta’ Zolli kienet esegwita minn Mary Ripard. L-ambjent kien f’raħal antik Malti, il-lingwa bid-djalett u l-praspar ma jieqfu qatt.

Minbarra t-tliet karattri prinċipali kien hemm ukoll in-Nutar Ġismond, magħruf bħala Kaspitina, Ġakbu s-sagristan, Gori l-gabillott u naturalment Kurun tal-inbid. Dan Kurun ma kienx biss karattru biex tinħoloq l-istorja. Il-ħsieb tal-avukat Zammit li joħloq lil Wenzu u Rożi beda propju minn Kurun…

Iżda dwar dan nitkellmu darb’ oħra…

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN