Joe Julian Filgħodu
Lokali

Werqa Nagħniegħa

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Tikber malajr u tfewwaħlek anki l-ġnien.  Tagħmel ħafna togħma u żżid il-palat f’ħafna riċetti, l-aktar fejn għandhom x’jaqsmu ħut jew frott tal-baħar.

Il-ħwawar huma mezz naturali kif ittejjeb il-palat tal-ikel. Mingħajr ħafna mluħa, zokkor jew priservattivi, bil-ħwawar tista’ toħloq l-itjeb togħma bla periklu għas-saħħa. U waħda mill-aktar ħwawar popolari f’pajjiżna hija n-nagħniegħa jew mint bl-Ingliż.

Minkejja li hawn razez differenti, ir-riħa friska tan-nagħniegħ tagħrafha minn kull pjanta oħra. Fl-ambjent ideali tikber malajr u ma jmutx ma’ tmiem l-istaġun. Ftit jew xejn għandha bżonn kura u tinfirex malajr. Ġieli tħawwel nagħniegħa f’post u f’xi żmien tinduna bi pjanta oħra ftit ‘il bogħod. Għax in-nagħniegħa għandha ħabta tgħaddi minn taħt il-ħamrija u tisponta f’post ieħor. Imma l-ġmiel u fwieħa tagħha ma ddejjaq lil ħadd. Maż-żmien trabbi wkoll fjuri żgħar bojod fir-roża u ż-żerriegħa wkoll. Tintuża anki għal skop mediċinali speċjalment biex tiftaħ l-imnifsejn jew biex tiċċara l-vuċi. Fl-imgħoddi kien ikun hawn irġiel li kif isibu nagħniegħa jaqtaw fergħa żgħira u jitfgħuha fuq widna minnhom għar-riħa friska li tagħmel.

Minkejja li tintuża f’diversi riċetti, forsi l-aktar waħda magħrufa hija l-Mint Sauce bin-nagħniegħ imqatta’ fil-ħall u jintuża l-aktar mal-ħaruf. Imma n-nagħniegħa magħrufa sew li tħawwar kull fejn hemm il-ħut. F’ħafna riċetti tintefa’ ssir ma’ xi ħuta biex tagħti togħma partikolari. Iżda anki nejja tintuża, speċjalment f’insalati u fil-famuża ftira biż-żejt li biha tiġi itjeb mis-soltu.

U man-nagħniegħa, żewġ ħwawar oħra li jmorru mar-riċetti tal-ħut huma l-ħabaq u l-merrqtux. Il-ħabaq, basilico bl-Ingliż, ġej mir-razza tan-nagħniegħa. Minbarra mal-ħut nafuh jintuża wkoll f’zalza partikolari li tfakkarna fil-belt ta’ Ġenova fl-Italja. Tissejjaħ pesto, mal-ħabaq jiżdied il-prinjol u ż-żejt  taż-żebbuġa u jħawwarlek l-isbaħ platt għaġin. Iżda fil-ħobż biż-żejt kapaċi joħloq tjubija daqs jew iktar min-nagħniegħ. Il-ħabaq huwa staġjonali u kull sena jrid jinżera’ mill-ġdid.

Il-merqtux, marjoram, għandu weraq żgħir, jagħti aroma partikolari u jiġi mir-razza tan-nagħniegħa wkoll. Minbarra mal-insalati u ħut jintuża wkoll mal-laħam u sopop.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN