Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Widnet il-Baħar

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Ma ssibhiex kullimkien fil-gżejjer Maltin, imma ma ssibha mkien aktar fid-dinja. Tikber f’pajjiżna biss fuq l-irdumijiet jew fil-widien maġenb il-baħar, partikolarment fl-inħawi tal-Lbiċ ta’ Malta, minn Wied Babu fiż-Żurrieq sal-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli. Tinsab ukoll fuq l-irdumijiet tan-naħa t’isfel t’Għawdex.

Widnet il-Baħar hija l-Pjanta Nazzjonali ta’ Malta. Tissejjaħ ukoll Cheirolophus crassifolius jew inkella Maltese Rock-Centaury u ġejja mill-familja tal-margarita. Għandha weraq ħodor skuri kemmxejn ħoxnin, sukkulenti, tawwalin imma għat-tond fit-tarf. Iz-zkuk tagħha jitwalu mhux ħażin, ġieli anki sa metru u f’tarf iz-zkuk bejn Mejju u Awwissu joħorġu ġmiel ta’ fjuri vjola.

Dawn il-fjuri għandhom ħlewwa partikolari u allura huma favoriti sew man-naħal u l-insetti. Ta’ min jinnota li minkejja li z-zkuk ikollhom
fjuri biss, il-weraq fil-qiegħ tal-pjanta jkunu ffullati sew u jibqgħu iħaddru tul is-sena kollha.

Interessanti ninnutaw li minkejja li l-pjanta teżisti f’Għawdex ukoll, il-weraq Għawdxin huma differenti minn dawk ta’ Malta, u allura tista’ tgħid li ż-żewġ speċi huma endemiċi għall-gżira tagħhom. Il-weraq f’Għawdex għandhom it-tarf għat-tond bħal ta’ Malta, imma sserrati, qishom bis-snien.

Widnet il-Baħar mhix pjanta li faċli xxettilha fejn trid. Tkun trid l-ambjent tagħha, partikolarment fix-xagħri, u għalhekk tikber f’ċerti nħawi biss u f’oħrajn le. Tieħu gost għalhekk, meta l-esperti joħolqu l-ambjent u jirnexxilhom ixettlu minnha f’xi ġonna jew roundabouts bl-aħdar skur u l-vjola vivaċi jagħtu l-ħajja lill-madwar.

Botaniċi Maltin bħal Stefano Zerafa u Agostino Naudi studjaw din il-pjanta b’mod xjentifiku lejn il-bidu tas-seklu dsatax. Fis-snin sebgħin tas-seklu għoxrin, meta kienet iddikkjarata Pjanta Nazzjonali, kienet anki ħarġet bolla apposta bi xbieha tal-pjanta fuqha.

B’xorti ħażina, Widnet il-Baħar qiegħda tonqos maż-żmien. Bl-attività fil-barrieri li l-maġġoranza tagħhom inzertaw fl-inħawi fejn tikber hi, kif ukoll bi żviluppi oħrajn, din il-pjanta nazzjonali tinsab taħt theddida. Għal dan il-għan Widnet il-Baħar hija protetta bil-liġi.

Widnet il-Baħar hija tagħna… u tagħna biss. Ħasra jekk nitilfuha.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN