Radju Kafé
Kurżitajiet

X’jgħidu kieku kellhom jitkellmu l-ħitan ta’ Strada Stretta?

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Minn dejjem affaxxinani isimha. Meta kont żgħir jekk issemmi Strada Stretta qisek għidt xi kelma pastaża. Jekk konna ngħaddu minn Triq it-Teatru l-Belt, kif konna ngħaddu minn ħdejha jgħiduli ndawwar wiċċi… u allura l-kurżità fija dejjem kibret.

Meta kont qed nagħmel programm televiżiv dwarha, sirt naf ħafna dwarha. U sirt naf li l-istigma dwarha kienet aktar imnebbħa mill-għajdut u d-djuq ta’ poplu Kattoliku aktar mill-Papa. Mhux ta’ b’xejn li bil-Malti jisimha Triq id-Dejqa!

Lejn nofs is-seklu li għadda, it-turisti f’Malta kienu l-baħrin u n-nies tas-servizz li kienu jżuru pajjiżna fuq xogħol. Id-divertiment ta’ mal-lejl kien immirat biss lejhom u l-biċċa l-kbira kien jinsab fi Strada Stretta.

B’xorti ħażina din hija triq marbuta ma’ stigma ta’ prostituzzjoni. Veru li fit-tarf t’isfel tat-triq, lejn Triq Funtana u Triq San Ġużepp, xi żewġ sekli ilu, kien hemm il-briedel. Iżda maż-żmien dawn twaqqgħu u Strada Stretta żviluppat bħala triq bil-ħwienet tal-barmaids.

Il-barmaids ma kinux prostituti kif jaħsbu ħafna. Kienu nisa tal-familja, x’uħud anki miżżewġin bit-tfal, u xogħolhom kien ikun li jmorru fil-ħanut, jagħmlu kumpanija lill-baħrin u jiżfnu magħhom bla ebda ħsieb ta’ prostituzzjoni.

Naturalment, f’xogħolhom il-barmaids kienu jkunu miftiehma ma’ sid il-ħanut biex iżommu lill-klienti fil-ħanut, waqt li jaqilgħu l-għajxien ukoll permezz tal-landi. Il-barmaids kienu jordnaw drinks għoljin mingħand il-baħrin. Iżda tal-bar ma kienx jagħtihom alkoħol għax inkella malajr jiskru. Minflok kien jagħtihom ilma bil-kulur taparsi alkoħol u magħhom landa zgħira. Wara s-serata l-barmaids kienu jsarrfu l-landi għand tal-bar u kienu jdahhlu kemxa mhux ħażin!

Strada Stretta kienet magħrufa wkoll għall-ġlied li kien jinqala’ kuljum. Daqqa kien jinqala’ l-ġlied bejn il-baħrin u l-Maltin u daqqa bejn il-baħrin bejniethom; l-aktar bejn l-Ingliżi u l-Amerikani.

Iżda Strada Stretta mhix biss triq tad-divertiment ta’ bil-lejl. Fiha twieled, għex u miet beatu: Nazju Falzon; kjeriku li kkonverta għadd ta’ baħrin għar-religjon Nisranija. Nazju Falzon kien sar beatu mill-Papa Ġwanni Pawlu II fuq il-Fosos tal-Furjana.

Fi Strada Stretta għex ukoll il-poeta Rużar Briffa; poeta li kiteb ftit iżda xorta huwa meqjus fost l-aktar magħrufa tal-ilsien Malti.

Min jaf kieku kellhom jitkellmu l-ħitan ta’ Strada Stretta, x’jgħidulna li ma nafux??

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN