Radju Kafé
Kurżitajiet

X’se jiġri fis-sena 2019?

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Diġà għaddew ftit ġranet mhux ħażin minn din is-sena l-ġdida. Il-festi għaddew għal kollox u t-tiżjin reġa’ jinsab fil-kaxxi jistenna dis-sena tasal lejn tmiemha biex jerġa’ joħroġ isib postu.

Sena ġdida ħadd ma jkun jaf x’fiha. Huwa żmien ġdid li nafu li bdejniha u ma nafux intemmuhiex. Ikun hawn ħafna li jfittxu x’qiegħed jgħid l-oroskopju għax-xhur tas-sena l-ġdida… x’qiegħed jgħid dwar l-imħabba, is-saħħa, il-karriera, il-flus u ħafna aktar. Anzi tfittex astroloġi differenti u probabbli jgħidulek tbassir differenti wkoll. Imma dawk issib min jemmen fihom u min le… u l-Malti jgħid li għada ħadd ma rah.

Din is-sena nafu li l-Karnival mhux ġej fi Frar imma f’Marzu. Se jiġri hekk minħabba li l-Ġimgħa Mqaddsa se tiġi tard u allura l-Karnival jiġi tard ukoll. Fil-fatt il-Ġimgħa l-Kbira se tiġi fid-19 ta’ April u l-Għid fil-21.

U la qegħdin insemmu April, nafu li f’April li ġej se jintemmu l-5 snin tal-Presidenza tal-Eċċellenza Tagħha Marie-Louise Coleiro Preca. U ftit ġranet biss wara r-rekord ġdid fl-Istrina, rridu ngħidulha GRAZZI KBIRA għax-xogħol tagħha speċjalment ma’ dawk inqas ixxurtjati minna. Kienet tabilħaqq President tan-nies.

Fl-2019 Jum l-Omm se jkun iċċelebrat fit-12 ta’ Mejju waqt li Jum il-Missier se jiġi fis-16 ta’ Ġunju. F’Ġunju wkoll, fis-27 jum, il-Fosos tal-Furjana se jerġgħu jimtlew għal kunċert Isle of MTV ieħor li issa sar appuntament regolari f’pajjiżna.

Din is-sena Malta se tagħlaq 55 sena Indipendenti, 45 sena Repubblika u 40 sena Ħielsa. Imma l-akbar anniversarju fl-istorja ta’ pajjiżna żgur li se jkun fis-7 ta’ Ġunju, għax dik id-data se taħbat 100 sena eżatt mill-irvellijiet tal-1919. Din hi ġrajja li donnha għamlet snin tinħeba għal raġunijiet differenti. Maż-żmien għadhom joħorġu affarijiet ġodda dwarha u inutli ssib min jipprova jnaqqsilha l-importanza.

F’kull ġrajja kbira fl-istorja ssib min jabbuża u jipprova jieħu xi vantaġġ, dejjem jekk hu veru. Imma fit-tfakkir tal-istorja ssib ukoll min jinterpreta, jgħawweġ u forsi anki jivvinta. Imma dwar dan nitkellmu la jasal Ġunju. Li hu żgur hu li l-irvellijiet tas-Sette Giugno kellhom impatt dirett fuq il-mixja nazzjonali biex Malta ssir tal-Maltin. Fil-fatt sentejn biss wara Malta ingħatat is-self-government u xejn u ħadd ma jista’ jmeri li s-7 ta’ Ġunju 1919 ma kinitx il-kawża prinċipali.

U min jaf x’temp se jkollha fl-2019? Hawn min qal li se jkun żmien ta’ nixfa. U l-irwiegel hekk urew ukoll… imma nsomma dawk min jemmen fihom u min le… bħall-oroskopju.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN