Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Xummiemu – l-eroj favur l-indafa

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Jiddispjaċini meta nara wieħed mejjet fit-triq, bħal meta nara xi kelb jew qattus. L-annimali ta’ barra xortihom ħażina wisq u għalkemm ġieli jaħsduk hawn min ma joqgħodx attent fis-sewqan u l-aqwa li jasal malajr. Il-qanfud li għandna f’pajjiżna jingħad li ġej mill-Afrika ta’ Fuq u bħalu nstabu f’pajjiżi oħrajn fil-Punent tal-Mediterran.

Huwa annimal ħelu wisq, l-aktar li joħroġ huwa mal-lejl u meta tara wieħed bilfors trid tieqaf u tħares lejh. L-unika difiża li għandu l-qanfud huma x-xewk li għandu fuq dahru. Kif jinduna li riesaq xi annimal ieħor jew xi periklu, jinġabar kobba biex ix-xewk jipproteġuh mill-għadu. Miskin ma jafx kemm huma kattivi l-karozzi. Kif jinduna bid-dwal ta’ xi vettura resqin lejh, jinġabar kobba mingħalih li l-karozza ma tiflahx għax-xewk tiegħu.

F’Malta u Għawdex, il-qanfud huwa speċi protetta. Jingħad li qegħdin jonqsu u allaħares ma nibżgħux għalihom aħna. F’dawn l-aħħar snin saru sinjali f’ħafna postijiet rurali biex insuqu bil-mod, b’seba’ għajnejn biex jekk ikun hemm xi qanfud qiegħed jaqsam triq, nagħtuh ċans jew induru miegħu bil-galbu biex jibqa’ jgħix. M’intix se tfiehmu li m’għandux joħroġ fin-nofs kif jaħsbuha xi wħud bravi ħafna.

Madankollu xorta ssib min hu alabiebu u sfortunatament għadek issib minnhom mgħaffġin f’nofs xi triq qalb ir-raba’. Il-bniedem kapaċi jkun kattiv għalxejn. Annimal joqtol annimal ieħor biex jiekol. Imma l-bniedem kapaċi joqtol għalxejn, jew għall-gost. Kultant titfixkel min hu l-annimal, jekk hux dak t’erba’ saqajn fit-triq jew dak ta’ tnejn wara l-isteering

Fis-snin 90, kellna lil Xummiemu, l-eroj favur l-indafa. Tant dan l-isem kien indara li hawn min jirreferi għal dan l-annimal ħelu bħala Xummiemu minflok “qanfud”. Il-kampanja ta’ Xummiemu kienet irnexxiet u t-tfal ħabbew lil dan il-karattru. Fl-opinjoni tiegħi dik il-kampanja kienet xerrdet kultura pożittiva ħafna fost il-ġenerazzjoni li kienet tiela’ u ħalliet il-frott. Jalla Xummiemu jibqa’ jkun preżenti fl-iskejjel illum u fil-ġejjieni wkoll.

B’xorti ħażina, imma, kien hawn min dik il-kampanja m’għamlitlu differenza ta’ xejn. Minkejja li llum hawn kull kumdità jekk bniedem ikollu x’jarmi, minn skart żgħir sa skart goff, xorta għadek issib min hu kodard li jsib xi rokna moħbija fil-kampanja u jnittinha bl-imbarazz tiegħu.

Anki f’dal-każ, l-annimali mhux dak t’erba’ saqajn, imma dak ta’ żewġ saqajn li jwassluh iħammeġ din l-art żgħira li ngħixu fuqha.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN