Bonġu Kafè
Lokali

Zalzett Malti

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Mod differenti kif jittiekel il-laħam huwa fil-forma ta’ zalzett. Insibu zalzett differenti, b’ismijiet differenti minn pajjiżi differenti. Forsi l-aktar zalzett popolari huwa dak li minnu jsir il-hotdog, għax infirex ma’ kullimkien. Iżda għalina l-maltin iz-zalzett Malti ma jieħu postu xejn. U ssib min saħansitra jieklu nej!

Issib min jistkerrhu, kemm għax ġieli jittiekel nej kif ukoll minħabba l-materjal li jimtela’ fiha. Imma speċjalment il-Maltin li jgħixu barra u jkunu ilhom ma jarawh jew iduquh żgur ikunu jixtiquh. Ħafna bejjiegħa tal-laħam jagħmlu z-zalzett huma stess u tarah imdendel għat-tul f’ħafna ħwienet lest għal min jixtrih. Kien hemm żmien meta kull zalzetta kien ikollha ċomba tonda mwaħħla magħha biex turi li għandha l-permessi sanitarji tat-tabib tal-biċċerija biex tinbiegħ lill-pubbliku. Ili ma nara minn dawk iċ-ċombiet.

Mhux kulħadd jagħmlu l-istess imma normalment iz-zalzett isir minn biċċa majjal ikkapuljata u magħha jiżdied it-tursin, it-tewm, ħafna melh, bżar iswed u kosbor, ħwawar f’forma ta’ boċċi żgħar. Jitħallat kollox u jimtela’ Fl-imgħoddi kienu jimlew iz-zalzett bl-idejn iżda llum jużaw il-magna tal-ikkapuljat stess għall-mili. Iz-zalzett tradizzjonalment kien jimtela’ f’parti mill-musrana tal-majjal stess, iżda dan l-aħħar aktar qed jintuża materjal sintetiku li huwa tajjeb għall-ikel.

U meta tiekol biċċa ftira sħuna biz-zalzett u l-ġbejniet tal-bżar… għidli x’inti tiekol. Veru tkun qed iteħu ħafna melħ. Veru tkun qed tiekol ħafna xaħam, u rridu noqgħidu attenti, imma t-togħma ma tibdilha ma’ xejn. Hawn min iz-zalzett jagħtih għalja u jqattgħu roti roti bħala appetiser max-xorb. Jużawh ukoll minflok xi xikel għal mal-kawlata… u f’xi ġurnata kiesħa tinżillek għasel bit-togħma bnina taz-zalzett u l-ħaxix idub f’ħalqek.

Maż-żmien l-ikel jevolvi u z-zalzett Malti sab lilu nnifsu anki fuq il-pizza. Infatti fil-pizza la Maltija ssib iz-zalzett, ġbejniet, żebbuġ, kapunata u kull togħma Mediterranja ta’ pajjiżna. Anki platti tal-għaġin qed isiru b’togħmiet Maltin u żgur ma jħallux barra l-ġbejniet u z-zalzett… għax tajjeb wisq!

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN