Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Żebbuġ

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Il-klima ta’ Malta tajba ħafna għat-tkabbir taż-żebbuġ. Il-ħamrija tagħna flimkien mal-ħafna xemx jagħmlu ambjent ideali għaż-żebbuġ f’pajjiżna. Ismijiet ta’ lokalitajiet marbutin maż-żebbuġ juri t-tradizzjoni antika tal-ikkultivar ta’ din is-siġra matul is-snin. Ħaż-Żebbuġ u ż-Żebbuġ f’Għawdex għandhom isimhom direttament miż-żebbuġa. Iż-Żejtun u Għajn Żejtuna fil-Mellieħa ġejjin mit-tifsira bl-Għarbi ta’ siġra taż-żebbuġ. U l-Bidni f’Wied il-Għajn u l-Bidnija msemmijin għal tip ta’ żebbuġa li tikber ħafna f’pajjiżna.

Birżebbuġa wkoll imsemmi għal dil-frotta. Hemm min jgħid li l-isem ġie minn bjar li għadhom viżibbli sa llum maġenb il-baħar, ftit passi biss bogħod minn wiċċ l-ilma, fejn jingħad li kien jinħażen iż-żejt taż-żebbuġa, possibilment miż-Żejtun fil-qrib.

Jgħidu li fl-imgħoddi kien hawn ħafna siġar taż-żebbuġ madwar Malta u Għawdex. Fl-Iskorba nstabu fdalijiet karbonizzati ta’ żebbuġ minn eluf ta’ snin ilu. Lejn iċ-ċentru ta’ Malta llum insibu siġar taż-żebbuġ li għandhom aktar minn mitt sena. Jingħad li l-ħafna siġar taż-żebbuġ naqsu maż-żmien meta l-ħakkiema kienu jaqtgħuhom biex jużaw l-injam għall-bini tal-iġfna tagħhom.

Is-siġra taż-żebbuġ hija waħda mill-aktar siġar li ilhom ikunu kkurati mill-bniedem. Għalkemm iż-żebbuġ, u aktar u aktar iż-żejt tiegħu huwa popolari mad-dinja kollha, kważi ż-żebbuġ kollu tad-dinja jiġi kkultivat mill-pajjiżi ta’ madwar il-Mediterran. F’Malta nkabbru razez differenti ta’ żebbuġ fosthom il-magħrufa żebbuġa l-bajda. Bid-dħul ta’ razez ta’ siġar taż-żebbuġ minn barra u l-vantaġġi li joffru lill-bidwi, jista’ jkun hemm il-periklu li nitilfu r-razez tagħna.

Iż-żebbuġ jinqata’ l-aktar għall-ħabta ta’ Settembru. Hawn min jaqtgħu għall-ikel u hawn min jaqtgħu għaż-żejt. Min jagħsar iż-żebbuġ ikun qiegħed jipproduċi l-aktar żejt tajjeb għas-saħħa tal-bniedem, għax huma ħafna l-vantaġġi sanitarji li ż-żejt taż-żebbuġa jagħti lill-ġisem tal-bniedem. U dan biex ma nsemmux it-tjubija tiegħu fit-togħma.

Min jaqta’ ż-żebbuġ għall-ikel jgħaddih minn proċess. Hawn min jitfgħu għal xi ġranet fil-melħ, inkella fl-ilma bil-melħ fil-vażetti. Hawn min iħalli dawn il-vażetti fix-xemx. Biex titneħħa l-mirra mit-togħma, hawn min jagħmlu fl-ilma għal ġimgħatejn u jibdel l-ilma kuljum qabel jintefa’ fil-melħ. Id-differenza bejn żebbuġ aħdar u dak iswed jiġi miż-żmien meta jinqata’ u l-kura tiegħu.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN