+
IRREĠISTRA HAWN biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

“Bniedem li jipprova jwaqqaf delitt b’mod mhux uffiċjali, jew li jaqbad u jġiegħel iħallas ‘l xi ħadd li għamel delitt, speċjalment għax jaħseb li l-organizazzjonijet uffiċjali, bħal pulizija, mhux qed ikunu effettivi biex jikkontrollaw il-kriminalita’.”

Azalea kienet tidher li għandha ħajja perfetta … relazzjoni tajba mal-ġenituri u oħtha ż-żgħira Valentina, għarus li kien jirrispettaha u jħobbha, xogħol bħala ‘counsellor’ mat-tfal li kien jissodisfaha. Pero’ dan kollu ma tantx dam wisq.  Sfortunatament, il-ġenituri ta’ Azalea imutu t-tnejn f’inċident tat-traffiku u ħajjitha tinbidel drastikament.  Din it-traġedja xokkanti tħalli impatt ikrah fuq oħta ż-żgħira, li tibda ma jimportaha minn xejn u titlef kull fidi fl-umanita’ u fil-ħajja.  Għalkemm Azalea tagħmel minn kollox biex tkun hemm għal oħtha, Valentina taqbad triq li twassalha biex tibda tagħmilha ma’ kumpanija ħażina.   Tispiċċa taħdem bħala prostituta biex tagħmel il-flus għall-vizzju tad-drogi u, fl-aħħar mill-aħħar, it-taparsi sħabha jabbandunawha, tieħu ‘overdose’, u titlef ħajjitha.  Azalea titkisser meta tara li oħtha vulnerabbli spiċċat abandunata fit-triq, meqruda minn dawk li wassluha f’dak il-punt. In-nies li ħallew Valentina tmut ma jeħlu xejn, għalkemm kien hemm biżżejjed provi biex jintbagħtu l-ħabs. Azalea tħossha mitlufa u titlef kull tama, sakemm tiddeċidi tieħu l-liġi b’idejha. Zijuha John, li huwa pulizija, jgħinha biex iħallsu għal għemilhom. Pero’, John ma jkunx kompletament onest man-neputija tiegħu. Waqt li kien qed jaħdem fuq il-kaz, jiskopri li l-ġenituri ta’ Azalea kienu nqatlu apposta, ghax missierha, li anke hu kien pulizija, daħal wisq fil-fond ta’ kaz kriminali partikulari, u ġie eliminat.  X’jiġri jekk Azalea ssir taf il-verita’?  John jaf ukoll li din l-organizazzjoni ta’ kriminali se terga’ twettaq delitt ieħor, din id-darba fuq Ministru. Mingħajr ma kienet taf, Azalea għandha ħuha minn mara oħra, jismu Lincoln. Missierha Michael kellu maħbuba ħafna qabel ma żżewweġ lil ommha. Għalkemm ma baqgħux flimkien, hi ħarġet tqila imma qatt ma qalet lil Michael li kellu tifel. Lincoln kif se jidħhol fl-istorja?  Azalea tiffissa li trid tagħmel ġustizzja ma’ oħtha u b’riżultat ta’ dan, ir-relazzjonijet l-oħra tagħha jitkissru. Ma tibqax daqshekk viċin l-għarus u l-ħbieb, u moħħha jhewden biss kif tista’ tpattiha lil minn kissrilha l-familja. Minn issa ‘l quddiem, iċ-ċrieki kriminali jibdew iħossuhom affettwati u allarmati bl-azzjonijiet tal-Vigilante.  Din is-sensiela se tidħol fil-ħajja personali ta’ membri ta’ dawn l-għaqdiet kriminali, fil-ħajja tal-pazjenti ta’ Azalea u l-problemi tagħhom, kif ukoll l-investigazzjonijiet tal-pulizija u l-kazijiet marbutin mal-Vigilante.

Kull nhar ta’ Sibt fuq TVM fid-20:50, b’repetizzjoni it-Tnejn fuq TVM2 fl-22:05