Olimpjadi tax-Xitwa - BEIJING 2022
100 ġurnata ‘l bogħod mill-Olimpjadi tax-Xitwa Beijing 2022

Mitt ġurnata ‘l bogħod mill-bidu tal-Olimpjadi tax-Xitwa – Beijing 2022. Iċ-Ċina tinsab fl-aħħar preparamenti qabel tospita l-Logħob Olimpiku, biċ-ċerimoniji tal-ftuħ u l-għeluq mistennija jkunu sempliċi. Eluf t’atleti u persuni f’kontinġenti mistennija jaslu fil-kapitali Ċiniża fix-xhur li ġejjin.

Il-Logħob Olimpiku tax-Xitwa jibda fl-4 ta’ Frar u jibqa’ sejjer sal-20 tax-xahar. Diġà ġie deċiż li l-ispettaturi jistgħu jkunu Ċiniżi biss, u l-ebda spettaturi internazzjonali mhuma ser jitħallew jidħlu fl-istadia u ċ-ċentri fejn ser isir il-Logħob.

Bħalma seħħ f’Tokjo, l-atleti u l-kontinġenti ser ikunu mqiegħda fi ‘bżieżaq’ differenti u qed jingħad li f’Beijing ser ikun hemm tliet postijiet fejn ser joqgħodu. Minbarra fil-kapitali, ser ikun hemm atleti barra mill-konfini tal-Great Wall kif ukoll fil-provinċja ta’ Hebei.

Iċ-Ċina qiegħda tikkanċella avvenimenti sportivi oħra kbar, bħalma huma l-maratoni ta’ Beijing u Wuhan kif ukoll il-Grand Prix tal-Formula 1.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA