Futbol internazzjonali
11 arrestati b’relazzjoni ma’ kummenti razzisti fuq il-midja soċjali wara t-telfa tal-Ingilterra fil-finali tal-EURO 2020

Il-pulizija Ingliża kkonfermat li seħħew 11-il arrest relatati mal-abbuż razzjali li rċevew tliet plejers tat-tim nazzjonali Ingliż wara t-telfa fil-finali tal-EURO 2020. L-Ingilterra tilfet kontra l-Italja bl-għoti tal-penalties, b’Marcus Rashford, Jadon Sancho u Bukayo Saka jfallu l-penalties tagħhom.

Il-UK Football Policing Unit qal li talab l-għajnuna tal-kumpaniji tal-midja soċjali sabiex javvanzaw fl-investigazzjoni tagħhom u jaqbdu lil dawk il-persuni li tefgħu kumment razzisti indirizzati lejn it-tliet plejers Ingliżi. S’issa ġew arrestati 11-il persuna u mhux eskluż li ser iseħħu aktar arresti fis-sigħat li ġejjin.

Skont il-Kap Kuntistabbli Mark Roberts, hemm barra hemm persuni li jaħsbu li jistgħu jistaħbew wara profil fuq il-midja soċjali u jitfgħu liema kummenti jridu. Hu qal li l-pulizija qed taħdem mill-qrib ukoll mat-tliet plejers involuti, u dawn ser ikunu offruti kull sapport meħtieġ matul l-investigazzjoni.

Jidher li dawk arrestati għandhom bejn it-18 u s-63 sena, u wara xi sigħat f’għases differenti ngħataw il-ħelsien mill-arrest sakemm l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin. Il-każijiet differenti mistennija jinstemgħu fil-qrati fix-xhur li ġejjin.

L-abbużi razzisti li seħħew wara l-finali kienu kkundannati mill-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson, filwaqt li l-Prinċep William qal li hija tal-mistħija li għad hawn min jaħseb li jista’ jaqbad jgħajjar lil dak u lil ieħor kif ġie ġie. Fil-preżent il-Prinċep William huwa l-President tal-Assoċjazzjoni Ingliża tal-Futbol.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA