Futbol lokali
62.66% jivvutaw favur il-klassifiċi preżenti: Floriana FC huma ċ-Champions il-ġodda tal-futbol Malti

Floriana FC huma ċ-Champions il-ġodda tal-futbol Malti.

Id-deċiżjoni ttieħdet ftit tas-sekondi ilu mill-Kunsill tal-Malta Football Association.

Il-voti ntefgħu hekk: 47 favur il-klassifiċi preżenti, 18 kontra, u astjenew 10 persuni.

Dan hu s-26 titlu fl-Istorja ta’ Floriana FC.

L-aħħar darba li l-Evergreens rebħu l-Kampjonat Premier kien fl-istaġun 1992/93 taħt il-presidenza ta’ Anthony Grech Sant.

Il-mistoqsija li l-membri tal-Kunsill ivvutaw favuriha hi din:

 Għandhom il-klabbs li jinsabu fl-ewwel post tal-kampjonati organizzati mill-Malta Football Association, minkejja li kienu tterminati b’mod prematur, isiru Champions tal-kampjonat rispettiv?

Il-membri tal-Kunsill kellhom jivvutaw bejn Iva, Le jew Astensjoni.

B’dan il-vot, Żejtun Corinthians FC huma ċ-Champions tal-Ewwel Diviżjoni, Marsa FC huma ċ-Champions tat-Tieni Diviżjoni u Attard FC huma ċ-Champions tat-Tielet Diviżjoni, flimkien mal-kampjonati kollha tal-futbol tal-MFA.

TVMSport jinsab infurmat li qabel dan il-vot kien hemm diskussjoni twila bejn Dione Borg, f’isem Floriana FC u Paul Spiteri, f’isem Valletta FC, fejn it-tnejn li huma rribattew l-argumenti ta’ xulxin għal diversi minuti.

Miktub minn...
TVM Sport