Tennis
Indian Wells – Il-Brittaniku Norrie kontra l-Bulgaru Dimitrov f’waħda mis-semifinali

Tennis – Indian Wells 

Fil-kategorija tal-irġiel fit-tournament ta’ Indian Wells, is-seed numru wieħed u tletin Taylor Fritz irkupra minn set minn taħt qabel għeleb fil-kwarti tal-finali lil Alexander Zverev 4-6, 6-3, 7-6.

Bħal Zverev anke t-tieni seed Stefanos Tsitsipas tal-Greċja safa eliminat fil-kwarti tal-finali mill-Ġorġjan Nikoloz Basilashvili li ħareġ rebbieħ 6-4, 2-6, 6-4.

Taylor Fritz jiltaqa kontra Basilashvili fis-semifinali s-Sibt, fil-logħba l-oħra mir-rawnd tal-aħħar erbgħa, s-seed numru wieħed u għoxrin Cameron Norrie tar-Renju Unit jiltaqa kontra l-Bulgaru Grigor Dimitrov.

Fil-kategorija tan-Nisa, l-ex numru wieħed Victoria Azarenka esprimiet sodisfazzjon wara l-fighting spirit tagħha biex ġiet minn wara qabel għelbet lit-tennista mil-Latvja Jelena Ostapenko fis-semifinali tat-tournament ta’ Indian Wells.

Fil-finali issa hija tiltaqa kontra l-Ispanjola Paula Badosa wara li din ħarġet rebbieħa kontra t-Tuneżina Ons Jabeur fis-semifinali l-oħra.

Azarenka, rebbieħa darbtejn f’dan it-tournament f’Kalifiornja għamlet reazzjoni wara li kienet set minn taħt biex għelbet lir-rebbieħa tal-Open ta’ Franza fl-2017 Jelena Ostapenko bil-punteġġ ta’ 3-6 6-3 7-5.

Azarenka ta’ tnejn u tletin sena qed tittama li ssir l-ewwel mara li tirbaħ dan it-tornew ta’ Indian Wells tliet darbiet wara rebħiet ukoll fl-elfejn u tnax u fis-sena elfejn u sittax.

Fis-semifinali l-oħra Badosa għelbet lil Ons Jabeur tat-Tuneżija bil-punteġġ ta’ 6-3, 6-3, minkejja t-telfa u eliminazzjoni fis-semifinali xorta tragward għal Jabeur li se tkun l-ewwel tennista Għarbija li tidħol mal-ewwel għaxra tar-rankings dinjija riżultat ta’ dan il-progress tagħha f’din il-kompetizzjoni fl-Istati Uniti.

Miktub minn...
Rodney Vassallo