Futbol internazzjonali
“Agnelli? Neħħa l-istilla tiegħi mill-Juventus Stadium. Nippreferi ma nitkellimx fuqu” – Zibi Boniek

L-ex plejer ta’ Juventus, tal-Polonja u preżentament Viċi President tal-UEFA, Zibi Boniek, kellu kliem iebes ħafna lejn Andrea Agnelli wara dak li nqala’ fl-aħħar jiem dwar is-Super League.

Fintervista li ta lil Kiss Radio ta’ Napli, Boniek qal: “Nippreferi ma nitkellimx fuqu. Wara dak li kont għamilt għas-soċjetà, neħħa l-istilla tiegħi mill-Juventus Stadium. Nista’ ngħid elf ħaġa fuqu imma nippreferi nżomm ħalqi magħluq,” qal il-Pollakk.

Mad-dawrda tal-Juventus Stadium f’Turin, l-aqwa plejers fl-Istorja tal-klabb għandhom stilla b’isimhom miktub fuqa.

“Is-Super League diġà jeżisti u dan huwa l-UEFA Champions League. F’dan it-tournament jipparteċipaw l-aqwa timijiet u jaslu sal-aħħar u jirbħu dawk li jkun jistħoqqilhom l-aktar,” kompla Boniek.

Zibi Boniek lagħab 81 partita ma’ Juventus bejn l-1982 u l-1985. Mal-Bianconeri skurja 14-il gowl.

Boniek lagħab ukoll 80 partita mal-Polonja u skurja 24 gowl.

Il-kummenti tiegħu fuq Andrea Agnelli jaslu wara dawk ta’ jumejn ilu tal-President tal-UEFA Aleksander Ceferin fejn qal li qatt qabel f’ħajtu ma kien iltaqa’ ma’ persuna li jigdeb daqshekk fit-tul u ma jinqabadx.

Miktub minn...
TVM Sport