Futbol lokali
“Aħna ħafna aħjar mill-wirja li għamilna kontra s-Slovenja. Għada rridu nagħtu aktar mill-100% tagħna” – Devis Mangia

Jirraporta MARK ATTARD, minn Larnaca, f’Ċipru

It-tim nazzjonali Malti, il-Ħadd wara nofsinhar tħarreġ fl-istadium AEK ta’ Larnaca fejn għada se jkun qed jilgħab it-tmien partita kontra Ċipru minn Grupp H ta’ Kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja 2022 fil-Qatar.

Għat-tim nazzjonali Malti jidħol lura fl-iskwadra Ryan Camenzuli li kien nieqes fl-aħħar partita kontra s-Slovenja iżda sospiżi għall-partita ta’ għada hemm Joseph Mbong u Alex Satariano. Devis Mangia tkellem dwar il-wirja tas-Slovenja u dwar l-istat tal-plejers.

“Il-plejers kienu diżappuntati u mdejqa wara l-partita tas-Slovenja. Nemmnu li aħna ħafna aħjar mill-wirja li tajna kontra s-Slovenja. Ninsabu preparati biex għada nagħmlu partita tajba,” qal il-kowċ nazzjonali.

Is-sessjoni ta’ taħriġ tat-tim Malti kienet tikkonsisti f’waħda teknika u tattika bl-aktar importanti għal kowċ nazzjonali Devis Mangia jkun li ma nerġgħux nirrepetu l-istess żbalji li għamilna fil-partita kontra l-Islovenja l-Ġimgħa filgħaxija.

“Ċipru tilfu l-aħħar erba’ partiti u aħna tlifna l-aħħar tlieta. Għada se tkun partita diffiċli ħafna. Importanti ħafna li jkollna l-attitudni ġusta. Irridu nagħtu aktar mill-100% tagħna,” qal Mangia.

Mistoqsi minn TVMSport jistax jelenka x’kienu l-iżbalji maġġuri li għamel it-tim Malti kontra s-Slovenja, Mangia qal li jippreferi li dawn jgħidhom biss lill-plejers tiegħu.

Il-kowċ nazzjonali Malti qal li hu normali ħafna li f’partita bħal din kulħadd iħoss xi ftit aktar pressjoni li iżda dan hu s-sabiħ tal-futbol ukoll.

Ryan Camenzuli tkellem dwar il-partita ta’ għada u ta anki l-ħsibijiet tiegħu dwar dak li qed jistenna minn din il-partita.

“Se tkun partita iebsa bħal kollha. L-aħħar sigħat ma kienux faċli għalina iżda l-atmosfera fid-dressing room hi waħda ta’ kuraġġ kbir.

“Konvint li se nqumu għall-okkażjoni u nagħmlu wirja tajba ħafna. Se nerġgħu nippruvaw nagħmlu l-istess wirja li għamilna kontriehom f’Ta’ Qali,” qal Camenzuli.

F’Ċipru, it-temperatura hi waħda sħuna ħafna, 32 grad celcius matul il-ġurnata li tinżel sa minimu ta’ 18-il grad matul il-lejl. L-indikazzjonijiet kollha juru li kollox se jibqa’ hekk sal-ħin tal-kick-off u anki wara.

Larnaca hu post man-naħa t’isfel tal-kosta ta’ Ċipru li fih jgħixu madwar 50,000 persuna.

L-istadium AEK Larnaca hu wieħed ġdid, jesa 8,000 persuna u f’xi żoni minnu għadu ma tlestix minn meta beda jinbena fl-2016.

TVMSport jinsab infurmat li l-Assoċjazzjoni Ċiprijotta qed tistenna mal-2,500 spettatur għall-partita. Staqsejna dwar dan u r-risposta li ngħatajna kienet dik li bħalissa l-poplu Ċiprijott għandu nuqqas ta’ fiduċja fit-tim nazzjonali ta’ pajjiżu.

Ċipru kontra Malta tixxandar dirett fuq TVMNews+, għada t-Tnejn fis-6.00pm ħin ta’ Malta, bi programm speċjali eżatt wara bl-intervisti mal-protagonisti.

Miktub minn...
TVM Sport