Olimpijadi TOKYO 2020
Aktar rebħ ta’ midalji matul il-ġurnata tal-Ġimgħa, bi Djokovic jisfa eliminat fis-semifinali

L-Awstraljana Emma McKeon ma setgħetx temmen li rebħet id-deheb fil-100m freestyle tan-nisa, biex b’hekk kompliet id-dominanza Awstraljana f’din id-dixxplina meta s’issa diġà ntrebħu ħames midalji tad-deheb. McKeon kienet diġà rebħet id-deheb fil-4x100m freestyle relay, u saħansitra rebħet il-bronż fil-100m butterfly u l-4x200m relay.

Emma McKeon temmet il-100m freestyle 0.31 sekondi quddiem Siobhan Haughey ta’ Hong Kong u l-kompatrijotta Cate Campbell.

Fil-kategorija tal-irġiel, iċ-Ċina rebħet l-ewwel midalja tad-deheb fl-għawm meta Wang Shun rebaħ il-200m medley individwali. L-għawwiem ta’ 27 sena ma kienx irnexxielu jgħaddi mill-heats fl-Olimpjadi ta’ Londra, u f’Rio kien rebaħ il-bronż. Issa rnexxielu jkompli javvanza ‘l quddiem billi rebaħ id-deheb. Huwa temm it-tellieqa f’minuta u 55 sekonda, quddiem il-Brittaniku Duncan Scott u l-Iżvizzeru Jeremy Desplanches.

 

Fil-qdif ta’ bi tmienja, sorpriża hekk kif fil-kategorija tan-nisa l-Kanadiżi ħarġu rebbieħa f’ħin ta’ 5 minuti 59.13 sekondi, biex b’hekk temmew id-dominju tal-Istati Uniti f’dan l-isport. Minbarra l-Kanada, New Zealand rebħu l-fidda filwaqt li ċ-Ċina rebħet il-bronż.

Fil-kategorija tal-irġiel, rebħa għal New Zealand f’ħin ta’ 5 minuti 24.64 sekondi, biex ħadu liċ-champions dinjija, il-Ġermanja, u liċ-champions olimpiċi fl-2016, il-Gran Brittanja.

 

Fit-tlielaq bil-BMX, il-Brittanika Bethany Shrieverrebħet id-deheb quddiem il-Kolombjana Mariana Pajon. L-Olandiża Merel Smulders rebħet il-bronż. Din kienet ġurnata pjuttost kerha għal din id-dixxplina meta l-Amerikan Connor Fields kellha tittieħed l-isptar wara li weġġgħet u Laura Smulders ma setgħetx tkompli tikkompeti wara li kkraxxjat bir-rota.

Fil-kategorija tal-irġiel, kien l-Olandiż Niek Kimman li ħareġ rebbieħ quddiem Kye Whyte u Carlos Alberto Ramirez.

 

Fix-shooting range t’Asaka, l-isfida prinċipali kienet bejn ir-Russa Vitalina Batsarashkina u l-Koreana Kim Min-jung. Fil-25m pistol, it-tnejn li huma laqtu rekord ta’ 38, bil-kompetizzjoni tmur għal shoot-off li kienet mirbuħa minn Batsarashkina. B’hekk hija saret l-ewwel mara li rebħet tliet midalji tad-deheb fl-isparar f’edizzjoni waħda tal-Olimpjadi. Iċ-Ċiniża Xiao Jiaruixuan spiċċat it-tielet.

 

Fl-atletika, fil-100m tan-nisa,, kienet Marie-Josée Ta Lou mill-Kosta tal-Avorju li rebħet f’ħin ta’ 10.78 sekondi. Iċ-champion olimpika Elaine Thompson-Herah tal-Ġamakja għamlet ħin ta’ 10.82 sekondi, filwaqt li l-kompatrijotta Shelly-Ann Fraser-Pryce għaddiet għas-semifinali bit-tama li tkun l-ewwel mara li tirbaħ it-tliet midalji tad-deheb relatati mal-100m.

 

In-Norveġiż Karsten Warholm u l-eqreb rivali tiegħu l-Amerikan Rai Benjamin għaddew mill-heats tagħhom tal-400 metru bl-ostakoli u allura għaddew għall-fażi li jmiss f’finali mistennija ħafna. Warholm għamel ħin ta’ 48.65 sekondi, filwaqt li Benjamin għamel ħin ta’ 48.60.

 

Ġew fi tmiemhom it-tamiet ta’ Novak Djokovic li jkun l-ewwel tennist li jirbaħ Golden Slam, jiġifieri jirbaħ l-erba’ Grand Slams u l-Olimpjadi. Is-Serb kien megħlub mill-Ġermaniż Alexander Zverev fis-semifinali tal-Olimpjadi. Kien Djokovic li rebaħ l-ewwel sett 6-1, biż-żewġ sets ta’ wara jintrebħu mill-Ġermaniż 6-3, 6-1. Zverev sar l-ewwel Ġermaniż li wasal sal-finali tat-tennis f’Olimpjadi sa mill-2000, meta dakinhar Tomm y Haas kien rebaħ il-fidda f’Sydney.

Fil-logħba l-oħra, ir-Russu Karen Khachanov għeleb l-isfida tal-Ispanjol Pablo Carreno Busta f’żewġ sets 6-3, 6-3 biex għadda għall-finali.

 

Fil-kayak slalom tal-irġiel, kien iċ-Ċek Jiri Prskavec li rebaħ il-kompetizzjoni, ħames snin wara li tilef id-deheb fl-Olimpjadi ta’ Rio b’ċikka. L-Islovakk Jakub Grigar rebaħ il-fidda u l-Ġermaniż Hannes Aigner rebaħ il-bronż. B’hekk il-Ġermanja rebħet midalja f’kull kompetizzjoni tas-slalom f’Tokjo.

 

Fil-judo tan-nisa, il-Ġappuniża Akira Sone rebħet id-deheb fil-kategorija ta’ 78kg, biex għelbet lill-Kubana Idalys Ortiz fil-finali. Il-midalji tal-bronż marru għand Iryna Kindzerska u Romane Dicko tal-Ażerbajġan u Franza rispettivament.

Fil-kategorija tal-100kg tal-irġiel, iċ-Ċek Lukas Krpalek għeleb lill-Ġorġjan Guram Tushishvili. Il-bronż kienu mirbuħa mill-Franċiż Teddy Riner u r-Russu Tamerlan Bashaev.

 

Midalja tad-deheb għat-tiratriċi bil-qaws tal-Korea t’Isfel An San. B’hekk hija saret l-ewwel mara f’dan l-isport li rebħet tliet midalji tad-deheb f’edizzjoni waħda. Ir-Russa Elena Osipova rebħet il-fidda filwaqt li t-Taljana Lucilla Boari rebħet il-bronż.

 

Iċ-Ċiniża Zhur Xueying rebħet fuq it-trampolin, bil-Kanadiża Rosie MacLennan tkun imċaħħda minn hat trick ta’ midalji tad-deheb. Zhu rebħet id-deheb f’56.635 punti, filwaqt li Lui Lingling rebħet il-fidda. Il-Brittanika Bryony Page rebħet il-bronż.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA