Alan Mario Sant promoss ukoll, Adrian Azzopardi fuq il-panel tal-FIFA

RAPPORT SANDRO MICALLEF

Il-Referee Malti li qiegħed fuq il-panel tal-FIFA Alan Mario Sant ġie promoss ukoll mit-tielet għat-tieni kategorija ta’ referees tal-FIFA.

Din l-aħbar ingħatat illum waqt konferenza stampa indirizzata mis-Segretarju Ġenerali tal-MFA Bjorn Vassallo u mid-Direttur tar-Refereeing Adrian D. Casha. L-aħbar tal-promozzjoni tar-referee Alan Mario Sant waslet wara li tvm.com.mt kienet ħabbret l-aħbar tal-promozzjoni tar-referee ieħor Malti Clayton Pisani li mit-tieni kategorija issa ġie promoss għall-ewwel kategorija. Pisani issa jista’ jibda jingħata appointments internazzjonali f’logħbiet tal-European Qualifiers u logħbiet tal-fażi tal-gruppi tal-UEFA Europa League.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet tħabbar ukoll li Malta reġgħet ingħatat ir-raba’ post ta’ referee fuq il-panel tal-FIFA. Dan il-post issa ħadu Adrian Azzopardi li skond Adrian Casha hu kien l-iktar referee li ġab marki għolja mir-referee observers matul l-istaġun li għadda 2013/14 u allura kien hu awtomatikament li ġie promoss fuq il-panel tal-FIFA.

Casha spjega li din iż-żieda ta’ erba’ referees fuq il-panel tal-FIFA waslet wara nuqqas ta’ sena meta l-FIFA kienet naqset referee lill-pajjiżna. Qabel kien ilna 19 -il sena b’erba’ referees fuq il-FIFA panel.

Fil-konfernenza stampa ġie spjegat li dan it-tragward jiġifieri taż-żewġ promozzjonijiet ta’ Sant, Pisani u Azzopardi ma ġewx b’kunbinazzjoni iżda dan kollu grazzi għas-sistema professjonali li qed jadotta d-dipartiment tar-referees, fejn fost l-oħrajn hemm l-akkademja li kellha żieda ta’ parteċipaneti ta’ 44% fuq tliet snin. Casha semma wkoll li l-fatt li r-referees li huma fil-pool li jistgħu jirreffjaw il-logħbiet tal-Premier tnaqqsu għal 12 biss, tat il-frott mixtieq għaliex dawn ir-referees issa qed jirrefjaw iktar u iktar regolari. Id-direttur tar-Referees Casha tenna li program ieħor ta’ suċċess hu dak imsejjaħ Talent and Mentor fejn qed issir studju fuq ammont ta’ referees li qed jistqiesu jistgħu ikunu r-referees tal-futur f’pajjiżna.

 

Miktub minn...
TVM Sport
.