Motorsport
Alex Albon mal-Williams Racing fl-2022

Ikompli ċ-ċaqliq fit-timijiet tal-Formula 1 bi preparazzjoni għall-istaġun 2022.

Ftit tal-ħin ilu għadha kif ħarġet l-aħbar li Alex Albon ser jirritorna fil-Formula 1 mat-tim ta’ Williams Racing. Albon, li huwa sewwieq ta’ riserva ta’ Red Bull, fil-preżent qiegħed itellaq fid-Deutsche Tourenwagen Masters.

Jidher li r-Red Bull kellhom sehem fl-ingaġġ t’Albon mal-Williams, li kienu qed ifittxu sewwieq ieħor wara l-aħbar li George Russell ser jingħaqad mal-Mercedes. Fi kliem il-kap tal-Williams Joss Capito, l-għażla waqgħet fuq Albon għaliex diġà għandu esperjenza ma’ wieħed mill-aqwa timijiet fil-Formula 1.

Alex Albon tellaq fil-Formula wieħed għal sentejn sħaħ, fl-istaġuni 2019 u 2020. Fl-ewwel sena kien tellaq mat-Toro Rosso filwaqt li fit-tieni waħda tellaq mar-Red Bull qabel ħadlu postu Sergio Perez għal dan l-istaġun. Il-fatt li Albon spiċċa darbtejn fuq il-podju f’dawk is-sentejn kien fattur ieħor li għen sabiex il-Williams Racing imorru għalih. It-tama tat-tim Brittaniku hi li jitilgħu aktar ‘il fuq fil-klassifika tal-kostrutturi wara snin twal mingħajr suċċessi.

B’hekk Alex Albon ser ikun qed isuq flimkien ma’ Nicholas Latifi fl-istaġun li ġej. Jidher li Williams Racing kienu qed iħarsu lejn numru ta’ sewwieqa minbarra Albon, fosthom Valtteri Bottas u Nyck de Vries.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA