Motorsport
Alex Marquez jirbaħ l-ewwel Moto GP online

Alex Marquez rebaħ l-ewwel Moto GP tal-karriera tiegħu, biss is-suċċess tiegħu kien online u mhux fuq it-trakka. F’tellieqa li saret għall-ewwel darba wara li l-istaġun tal-Moto GP ukoll ġie sospiż indefinittivament, għaxar sewwieqa li s-soltu jtellqu kontra xulxin fuq it-trakka, did-darba kkompetew online. Fost is-sewwieqa kien hemm Marc Marquez, iċ-champion renjanti tal-Moto GP kif ukoll ħuh Alex. L-Ispanjol ta’ 23 sena għadu qed jistenna li jiddebutta fil-Moto GP wara li sas-sena l-oħra kienu għadu jikkompeti fil-Moto 2. Alex issieħeb ma’ ħuh Marc fit-tim tar-Repsol Honda.

Il-ħsieb t’Alex hu li jipprova jimita lil ħuh, li biss biss iddomina l-aħħar erba’ staġuni tal-Moto GP, u s-sena li għaddiet rebaħ 12 minn 19-il tellieqa.

It-Taljan Francesco Bagnaia spiċċa fit-tieni post, bl-Ispanjol Maverick Vinales jidħol it-tielet. Iċ-champion renjanti Marc Marquez daħal fil-ħames post.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA