Motorsport
Alex u Marc Marquez jirritornaw fuq il-mutur

Wara xahrejn mingħajr ma jsuqu mutur, l-aħwa Marc u Alex Marquez irritornaw fis-Circuit El Bosquet, f’Ponts fi Spanja sabiex jibdew jitħarrġu għall-istaġun il-ġdid tal-Moto GP li mistenni jibda f’Lulju. Wara li fil-jiem li għaddew il-Gvern Spanjol kompla jirrillaxxa l-miżuri relatati mal-pandemija tal-Covid-19, l-aħwa kellhom iċ-ċans u l-opportunità li jitħarrġu f’ċirkwit. Skont Marc Marquez, kemm hu kif ukoll ħuh kienu xi ftit nervużi sakemm bdew isuqu mill-ġdid, biss is-sewwieqa tar-Repsol Honda kienu sodisfatti għall-aħħar li setgħu jirritornaw fl-isport li tant iħobbu.

L-istaġun il-ġdid tal-Moto GP suppost beda f’Marzu li għadda imma kien sospiż b’mod indefinit meta l-pandemija faqqgħet fl-Ewropa. Issa hemm il-ħsieb li l-istaġun jibda fid-19 ta’ Lulju f’Jerez, fi Spanja, b’tellieqa oħra ġimgħa wara, fis-26 ta’ Lulju. L-organizzaturi qegħdin jistmaw li għal kull tellieqa jkun hemm madwar 1,600 persuna fuq iċ-ċirkwit, b’kull tim ikun jista’ jdaħħal s’40 membru għat-tellieqa.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA