Boxing
Alvarez u Plant jiġu fl-idejn f’konferenza tal-aħbarijiet

Canelo Alvarez u Caleb Plant ġew fl-idejn waqt konferenza tal-aħbarijiet biex tkun promossa l-ġlieda ta’ bejniethom tas-6 ta’ Novembru li ġej.

Huma ltaqgħu fil-Los Angeles’ Beverly Hilton fejn saret il-konferenza tal-aħbarijiet bħala preparazzjoni għall-ġlieda li ser issir f’Las Vegas.

Il-ġlieda bdiet bil-kliem, sakemm Alvarez deher jagħti l-ewwel daqq u Plant ma qagħadx lura. Sakemm l-organizzaturi tal-konferenza ferrquhom, laħqu taw ftit daqqiet, biex issa l-istennija tkompli għal dak li ġej fis-6 ta’ Novembru.

Iċ-champion Messikan Alvarez ser jiġġieled kontra l-Amerikan Plant li s’issa għadu mhux megħlub fi ġlied professjonali u r-rebbieħ minnhom ser jirbaħ it-titlu ta’ champion dinji tas-Super Middleweight. Din il-ġlieda ser issir minħabba li t-tnejn li huma jgħidu li huma ċ-champions dinjija f’din il-kategorija.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA