Ibburdjar
America’s Cup – Team New Zealand tellieqa ‘l bogħod milli jżommu t-titlu

Team New Zealand jinsabu biss tellieqa ‘l bogħod milli jżommu l-unur tal-America’s Cup, dan wara li kmieni t-Tlieta rebħu d-disa’ tellieqa minn 13 kontra Luna Rossa.

Il-Kiwis kienu qed jittamaw li jżommu t-titlu fl-10 tellieqa, imma din kellha tiġi abbandunata minħabba nuqqas ta’ riħ mal-kosta t’Auckland.

Id-disa’ tellieqa kienet mirbuħa minn Team New Zealand bi 30 sekonda fuq it-Taljani ta’ Luna Rossa, biex b’hekk il-Kiwis fetħu vantaġġ ta’ tlett itlielaq, 6-3. Minħabba li l-għaxar tellieqa ġiet abbandunata, fadal biss tlett itlielaq biex Luna Rossa jippruvaw jirkupraw, biss jidher diffiċli ħafna li jkomplu jisfidaw lil Team New Zealand.

Wara li fl-ewwel jumejn tal-America’s Cup, Luna Rossa kienu qed iżommu l-pass ma’ Team New Zealand, u kienu jinsabu 3-3, fl-aħħar jumejn il-Kiwis kienu ħafn’aħjar, u wara r-rebħ taż-żewġt itlielaq tal-bieraħ, kollox qed juri li resqin lejn ir-rebħ ta’ dan l-unur. Luna Rossa kienu sejrin tajjeb fid-disa’ tellieqa tat-Tlieta, imma għal darb’oħra żbaljaw u tilfu l-qaleb u l-ġbejna billi reġgħu tilfu l-vantaġġ u saħansitra t-tellieqa.

Team New Zealand għandhom ċans li jirbħu u jżommu l-unur għada l-Erbgħa fejn ser isiru żewġt itlielaq oħra.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA