Futbol internazzjonali
Andrea Agnelli jgħid li s-Super League ma jistax u mhux se jsir; tiżdied il-pressjoni fuqu biex jirriżenja minn President ta’ Juventus

Andrea Agnelli, il-President tal-Juventus u wieħed mill-imħuħ wara s-Super League, tkellem għall-ewwel darba ftit tal-minuti ilu u għamilha ċara li s-Super League, mingħajr it-timijiet Ingliżi, ma jistax u mhux se jkun qed isir.

Mistoqsi direttament dwar dan, Agnelli qal:

“Impossibbli jsir mingħajr it-timijiet Ingliżi u żgur li mhux se jsir. Kellna ftehim kollha f’daqqa, iżda jidher li l-Ingliżi dawru l-ħsieb tagħhom,” qal Agnelli.

Fl-aħħar sigħat, jidher li anki Inter se jkunu qed jirtiraw minn dan il-proġett Ewropew ġdid tal-futbol li ntemm qabel ma beda.

Rapporti fil-media Spanjola u Ingliża li ħarġu tard ilbieraħ filgħaxija qalu li Agnelli kien irriżenja wkoll minn President ta’ Juventus. Madankollu, dawn ġew miċħuda wara ftit ħin mill-media Taljana.

Fuq Agnelli teżisti pressjoni kbira fil-kuriduri tal-UEFA peress li flimkien ma’ Florentino perez ta’ Real Madrid, kienu l-imħuħ li wara s-Super League.

Jidher li l-familja Agnelli se tkun qed tiddiskuti t-triq ’il quddiem għat-tmexxija ta’ Juventus fejn qed tiżdied il-pressjoni li l-pożizzjoni ta’ Andrea, fil-kariga ta’ President tal-klabb, m’għadhiex waħda tenibbli.

FI ħdan Juventus FC, hemm il-biża’ li se jkun qed iġorr il-konsegwenzi ta’ li għamel fuq is-soċjetà, li issa għandha fuqa dell ikrah mal-UEFA, ħafna aktar milli diġà kellha.

Intant, konsegwenza ta’ dak li nqala’, u l-involviment dirett ta’ Andrea Agnelli, ix-shares ta’ Juventus tbaxxew b’10.26%, fl-aħħar 24 siegħa.

Miktub minn...
TVM Sport