Atletika
Andrea Marcato jirbaħ l-itwal tellieqa fid-dinja fuq distanza ta’ 3,100 mil

It-Taljan Andrea Marcato rebaħ l-itwal tellieqa rreġistrat fid-dinja. Fuq distanza ta’ 3,100 mil, Marcato li għandu 39 sena, lesta t-tellieqa fi 42 jum, 17-il siegħa, 38 minuta u 38 sekonda. Marcato kien qed jieħu sehem fit-tellieqa Sri Chinmoy Self-Transcendence.

Andrea Marcato kien qed jiġri madwar 116-il kilometru kuljum, u saħansitra waqqaf rekord f’pajjiżu. L-akkademiku, li jaħdem f’fabbrika tal-ikel veġeterjan fi Zurich, l-Iżvizzera, sar it-tielet l-aktar bniedem veloċi fid-dinja fuq distanza daqstant twila. Jidher li Marcato kien veloċi ħafna fl-aħħar tliet laps u saħansitra tejjeb fuq il-ħin tal-Ukren Galya Volodymer Baltskyy b’minuta u 21 sekonda. Mhux biss, imma saħansitra Marcato tejjeb fuq l-istess ħin tiegħu li għamel is-sena li għaddiet meta kien ukoll rebaħ it-tellieqa. Fl-edizzjoni ta’ din is-sena tejjeb b’aktar minn 18-il siegħa.

It-tellieqa Sri Chinmoy Self-Transcendence bdiet fil-5 ta’ Settembru u tibqa’ sejra sas-26 ta’ dan ix-xahar. Il-kompetituri jkollhom massimu ta’ 52 ġurnata sabiex ilestu t-tellieqa ta’ 3,100 mil. Biex atleta jilħaq dan it-tragward irid ikopri mad-59.6 mili kuljum, aktar mit-tul ta’ żewġ maratoni f’daqqa. B’kollox atleta jagħmel daqs 118-il maratona, waħda wara l-oħra. It-tellieqa kienet deskritta bħalha, “il-muntanja Everest tal-ġiri.”

U għalkemm aktar minn 4,000 persuna rnexxilhom jilħqu l-quċċata tal-muntanja Everest sa mill-1953, fl-aħħar 24 sena kienu biss 49 atleta li rnexxilhom ilestu din it-tellieqa fil-ħin.

It-tellieqa kienet organizzata għall-ewwel darba minn Sri Chinmoy, għalliem, atleta u mużiċist Indjan, fl-1997. Hu nnifsu kien jieħu sehem mhux biss f’din it-tellieqa, imma wkoll f’numru ta’ maratoni u tlielaq diffiċli.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA