Tennis
Andy Murray mistenni jirtira mit-tennis wara l-Open tal-Awstralja

Aħbar negattiva għad-dinja tat-tennis għaliex il-Brittaniku Andy Murray qiegħed jgħid li probabbli jirtira wara l-Open tal-Awstralja. Jidher li l-uġiegħ kbir li qiegħed iħoss f’ġenbu qiegħed ikun insapportabbli, tant li Murray spiċċa bid-dmugħ f’għajnejh waqt konferenza tal-aħbarijiet meta nħakem minn emozzjoni kbira wara li żvela li għalkemm kien pjana li jirtira wara l-Open ta’ Wimbeldon, probabbli ser ikolli jgħaġġel aktar il-proċess u jirtira aktar kmieni.

Murray, li għandu 31 sena qal li probabbli jkollu jirtira wara l-Open tal-Awstralja għax ma jafx kif ser jirnexxielu jilgħab bl-uġiegħ għal erba’ jew ħames xhur oħra. Żvela li l-uġiegħ li qiegħed iħossu f’ġenbu huwa kbir wisq u naqqaslu l-ħeġġa kollha sabiex jilgħab f’dan il-livell. Tant qiegħed ikun muġugħ, li anke biex sempliċiment jilbes il-kalzetti u ż-żarbun, jispiċċa jweġġa’ ħafna.

Murray spiċċa ħames darbiet tellief fil-finali tal-Open tal-Awstralja, u s-sena li għaddiet kien operat f’ġenbu wara snin twal jilgħab bl-uġiegħ li sa dak iż-żmien kien għadu jissaportih. Wara l-operazzjoni Murray reġa’ beda jipprova jilgħab, biss wara l-kamp ta’ taħriġ li kellu x-xahar li għadda, prattikament iddeċieda li ġismu ma jiflaħx għal aktar uġiegħ u allura probabilment jirtira wara li jilgħab fl-Awstralja.

Għalkemm kollox qiegħed juri li Murray ser jitfa’ fil-ġenb ir-rakketta tat-tennis għal dejjem, huwa xorta għadu qiegħed jevalwa ċertu possibiltajiet, bħal li jagħmel operazzjoni oħra f’ġenbu sabiex forsi tirnexxi u jkun jista’ jerġa’ jirritorna fil-court, sabiex jilgħab il-logħba li tant iħobb u li anke wasslitu biex jirbaħ darbtejn l-Open ta’ Wimbeldon kif ukoll jirbaħ l-Olimpjadi darbtejn ukoll.

Andy Murray ser jibda l-esperjenza tiegħu fl-Open tal-Awstralja nhar it-Tnejn li ġej meta ser jiltaqa’ kontra s-seed 22, l-Ispanjol Roberto Bautista Agut.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm Kontrattakk.
Aħbarijiet Oħra
Tennis

Mill-Mercedes Cup li qed tintlagħab fi Struttgart, it-tennista Taljan Matteo Berrettini kompla bil-mument pożittiv tiegħu meta għeleb lill-Ġermaniż Jan-Lennard Struff f’żewġ sets 6-4, 7-5. Berrettini rnexxielu jirbaħ l-ewwel żewġ sets…

Tennis

L-Ispanjol Rafael Nadal rebaħ it-12-il titlu tal-Open ta’ Franza fil-karriera tiegħu meta għeleb lill-Awstrijak Dominic Thiem bi 3 sets għal wieħed. Kien Nadal li rebaħ l-ewwel sett 6-3, bi Thiem…

Tennis

Is-seed numru 8 Ashleigh Barty, għall-ewwel darba fil-karriera tagħha, waslet sa semifinali ta’ Grand Slam, meta għelbet lill-Amerikana Madison Keys fil-kwartifinali. Barty rebħet f’żewġ sets, 6-3 7-5 biex issa tiltaqa’…

Tennis

L-Ispanjol Rafael Nadal resaq pass eqreb li jirbaħ it-12-il titlu tiegħu fl-Open ta’ Franza, meta fil-kwartifinali baqa’ għaddej minn fuq Kei Nishikori 6-1 6-1 6-3. B’din ir-rebħa Nadal għamel ċert…

Aktar