ARA: Alex Albon jirbaħ f’Interlagos wara tellieqa taħraq ma’ Leclerc

Alexander Albon waqqaf lil Charles Leclerc milli jagħmel hat-trick ta’ rebħiet fil-Formula 1 Esports meta rebaħ it-tellieqa f’Interlagos, il-Brażil. Suppost, il-Ħadd 3 ta’ Mejju kellu jsir ir-ritorn tal-Grand Prix fl-Olanda wara nuqqas ta’ 35 sena, imma r-ritorn ser ikollu jistenna minħabba l-pandemija tal-Covid-19. Għallinqas ir-Red Bull irnexxilhom joħorġu rebbieħa fl-Esports fil-ġurnata li suppost l-Olandiż Max Vertsappen kellu jirritorna d-dar, ġurnata li kienet ilha mistennija minn meta ġie ffirmat il-kuntratt biex il-Formula 1 tirritorna fl-Olanda.

It-tellieqa fuq iċ-ċirkwit ta’ Zandvoort xorta waħda għadha tista’ ssir din is-sena, minħabba li s’issa ġiet posposta u mhux ikkanċellata. Kienu l-partitarji tal-Formula 1 li ddeċidew li t-tellieqa esports tal-Ħadd issir fuq iċ-ċirkwit t’Interlagos, minħabba li ta’ Zandvoort għadu mhuwiex online.

Kien is-sewwieq tal-Mercedes Stoffel Vandoorne li telaq mill-pole position, imma tilef postu sal-ewwel ftit metri, bil-ġlieda kontinwa tkun bejn Albon u Leclerc. Is-sewwieq minn Monaco li rebaħ l-aħħar żewġt itlielaq esports, dawk taċ-Ċina u l-Vjetnam, kellu penalità ta’ 3 sekondi minħabba li saq aktar milli suppost fuq it-track, tant li spiċċa fit-tielet post wara George Russell tal-Williams.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA