
Tużżana ħbieb inġabru fuq l-irdum ta’ Currarong, raħal fl-istat ta’ New South Wales fl-Awstralja. Minn għoli ta’ sittin metru, huma għaqqdu l-imħabba tagħhom lejn l-isport avventuruż u flimkien ippruvaw din l-isfida li mhux kulħadd kapaċi jagħmel. Il-qbiż bil-ħabel kien introdott fid-disgħinijiet u matul l-aħħar għaxar snin kompla jikber fil-popolarità. Dan mhuwiex bungee jumping, imma taħlita mal-abseiling, għaliex wara li tagħmel il-qabża trid terġa’ titla’ lura. Il-qbiż bil-ħabel huwa differenti mill-bungee jumping għaliex il-waqgħa għal isfel hija itwal u forsi aktar riskjuża.
Il-qabża jagħmluha b’harness u ħabel li jkun imqabbad ma’ ħabel ieħor marbut bejn żewġ irdumijiet. Fil-filmati qed naraw lil Daisy Allen t’24 sena, li wara qabża spettakolari, ġiet miġbuda bil-ħabel li kienet marbuta bih minn sħabha li kienu għadhom fuq l-irdum.