Atletika
ARA: Jirbaħ tellieqa tas-60 metru u jtir minn tulu

Jekk kontu mingħalikom rajtu kollox fl-isport tal-atletika, żgur li din għadkom ma rajtuhix b’dan l-atleta Spanjol li fl-isprint tas-60 metru għamel xi ħaġa li anqas Usain Bolt tal-Ġamajka qatt m’għamel.

F’laqgħa tal-atletika indoors fil-belt kapitali Spanjola, Madrid, l-atleta li tistgħu taraw permezz tal-filmat fil-linja ta’ barra u li ismu baqa’ ma xxandarx, rebaħ it-tellieqa tiegħu iżda għaliha kellu jħallas sew, b’sogru anki li jweġġa’ serjament.

Ġara li hekk kif qabeż il-finish line fl-ewwel post, flok waqqaf il-ġirja tiegħu, baqa’ sejjer bl-istess pass bil-kosegwenza li waħlitlu saqajh jew inħasad bid-differenza tal-art u spiċċa tar minn tulu u baqa’ għaddej minn taħt il-ħadid għall-barra mit-track.

L-atleti l-oħra li telqu miegħu baqgħu mbellħin u xi wħud bdew anki jfittxu fejn seta’ spiċċa l-kollega tagħhom sakemm deher tiela bil-kalma ‘l fuq mill-ġdid lejn it-track.

Il-filmat intgħoġob sew minn ħafna għax fuq il-midja soċjali segwewh miljuni ta’ persuni.

Xi ħaġa tassew oriġinali li qatt ma ġrat u li probabbli qatt mhu se terġa’ tiġri.

Miktub minn...
TVM Sport