Futbol lokali
ARA: Michael Mifsud jitkellem waqt TVAM ġurnata wara li temm il-karriera internazzjonali

Waqt il-programm TVAM, l-għada tat-tmiem tal-karriera interazzjonali, l-attakkant Michael Mifsud tkellem dwar l-esperjenza mat-tim nazzjonali Malti f’karriera t’20 sena. Kien fis-sena 2000 meta Michael Mifsud għamel id-debutt tiegħu man-nazzjonal, fil-logħba kontra l-Albanija fil-Malta International Tournament. Fil-logħba tal-10 ta’ Frar, 2000, Mifsud beda b’telfa ta’ 1-0 kontra l-Albanija taħt it-tmexxija tal-kowċ Josif Ilic.

L-ewwel gowl ta’ Michael Mifsud mat-tim nazzjonali Malti wasal fil-25 t’April, 2001 fit-telfa ta’ Malta kontra l-Iżlanda bl-iskor ta’ 4-1. Inċidentalment kien f’logħba kontra Liechtenstein meta Mifsud skorja l-aktar gowls f’logħba waħda, ħamsa, fir-rebħa ta’ 7-1 f’logħba ta’ ħbiberija fis-26 ta’ Marzu, 2008.

Mistoqsi dwar liema logħba jew logħob jibqgħu għal qalbu, Mifsud qal li kull darba li rrappreżenta lil pajjiżu ħassu onorat, imma r-rebħa kontra l-Armenja away fis-7 ta’ Ġunju, 2013 jibqa’ jiftakarha. Dakinhar Mifsud kien skorja l-uniku gowl li permezz tiegħu Malta rebħet 1-0.

Dwar liema logħba xtaq li tispiċċa qabel id-90 minuta, Michael Mifsud semma’ l-konfronti kontra l-Iżvezja, żewġ telfiet kbar ta’ 7-0 u 6-0 fl-2004 u 2005 rispettivament.

L-ex Kaiserslautern, Lillestrom, Coventry, Barnsley u Melbourne City barra minn xtutna qal li għalkemm temm il-karriera internazzjonali għadu jħossu fiżikament b’saħħtu u sa tmiem dan l-istaġun għandu kuntratt ma’ Sirens FC. Qal li malli jispiċċa l-istaġun 2020/21 jikkonsidra l-pożizzjoni tiegħu u għaldaqstant ma nafux jekk l-attakkant huwiex ser itemm il-karriera tal-futbol malli jinżel is-siparju fuq dan l-istaġun. F’pajjiżna Michael Mifsud lagħab ma’ Sliema Wanderers, Valletta, Qormi u Birkirkara, filwaqt li fil-preżent jinsab ma’ Sirens.

L-aħħar logħba ta’ Michael Mifsud mat-tim nazzjonali Malti żgur ser tibqa’ fil-memorja għaliex mhux biss Malta rebħet 3-0 kontra Liechtenstein, imma l-attakkant irnexxielu jiskorja l-42 gowl fil-143 logħba tiegħu biex b’hekk għandu żewġ rekords fil-futbol Malti.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA