Atletika
ARA: Minn push-up għall-Ironman – Chris Nikic jegħleb l-isfida avolja bil-kundizzjoni Down’s Syndrome

It-triatleta Chris Nikic sar l-ewwel persuna bil-kundizzjoni Down’s Syndrome li temm tellieqa Ironman. Iż-żagħżugħ minn Florida temm it-tellieqa f’ħin ta’ 16-il siegħa 46 minuta u disa’ sekondi, madwar 14-il minuta inqas mill-ħin stipulat sabiex ikun jista’ jiġi rikonoxxut mill-Guinness World Records.

Malli Nikic qabeż il-linja finali u temm it-tellieqa, fuq il-paġna uffiċjali ta’ Twitter tal-Ironman dehret il-kitba, “Int għelibt l-isfidi filwaqt li kkonfermajt mingħajr l-iċken dubju li kollox huwa possibbli.”

L-atleta ta’ 21 sena kellu sfida diffiċli f’għawma ta’ 2.4 mili, ġirja bir-rota ta’ 112-il mil u ġirja ta’ 26.2 mili. Fl-istorja tal-kompetizzjoni Ironman, qatt ma kien hemm persuna bil-kundizzjoni Down’s Syndrome li ppruvat tidħol għall-isfida, aħseb u ara li tispiċċaha, imma Nikic minn dejjem xtaq li jipprova jasal fejn qatt ħadd ma mmaġina li jasal qabel.

Qabel bdiet il-kompetizzjoni ta’ din is-sena kien hemm ħafna stennija għal dak li seta’jagħmel Chris Nikic u matul il-ġurnata tas-Sibt bdew iduru filmati ta’ missier iż-żagħżugħ jaqfillu ż-żarbun qabel jibda l-ġirja finali. B’vuċi mimlija kuntentizza, missier Chris instema’ jgħidlu, “dalwaqt issir Ironman.”

It-tellieqa ma kenitx għalkollox faċli għal Nikic wara li matul il-ġirja bir-rota żelaq u qata’ ftit saqajh, imma l-kuraġġ u s-sapport ta’ dawk li kienu qed jassistuh kienu biżżejjed sabiex kompla sal-aħħar. Il-ġirja finali ta’ ftit aktar minn 26 mil għamilha f’temp ta’ sitt sigħat u 18-il minuta.

L-isfida ta’ Chris Nikic bdiet tliet snin wara li missieru innota li ibnu kien qiegħed jintelaq aktar u aktar ma’ kull ġurnata li tgħaddi. Nik Nikic kien inkoraġixxa lil ibnu sabiex jipprova li ma’ kull ġurnata li tgħaddi jkun 1% aħjar mill-ġurnata ta’ qabel. L-isfida bdiet minn push-up waħda.

Malli temm it-tellieqa, missier Chris qal, “Għal ibni din it-tellieqa kienet aktar milli sempliċiment jaqbeż il-linja finali. L-Ironman serva bħala l-pjattaforma sabiex jersaq pass eqreb lejn l-għan finali tiegħu, li jkun aktar inkluż f’ħajja normali. Chris għandu jservi t’eżempju għal żgħażagħ, tfal u familji li għandhom sfidi simili quddiemhom, fejn wera li mhemm l-ebda ħolma jew għan li ma jistgħux jintlaħqu.”

Jidher li l-Ironman mhijiex ser tkun l-aħħar kompetizzjoni għal Chris Nikic għaliex issa tefa’ għajnejh fuq l-iSpecial Olympics ta’ sentejn oħra li ser isiru f’Orlando, Florida.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA