Tennis
ARA: Novak Djokovic skwalifikat mill-Open tal-Istati Uniti

Is-seed numru wieħed Novak Djokovic spiċċa skwalifikat mill-Open tal-Istati Uniti wara li inċidentalment laqat line judge bil-ballun. Djokovic kien qed ikollu logħba diffiċli mal-Ispanjol Pablo Carreno Busta u kien diġà sabbat il-ballun aktar kmieni, li iżda ma kienx penalizzat għal dik l-azzjoni. Biss dak li seħħ mumenti wara ħalla lis-Serb b’emozzjonijiet imħallta wara li spiċċa skwalifikat meta tajjar ballun u bih deher jolqot lil-line judge f’ġerżumtha.

L-Ispanjol Carreno Busta kien għadu kif qiegħed jiċċelebra b’mod ħafif għaliex kien mar minn fuq kontra Djokovic, biss qatt ma stenna li kien ser jgħaddi għall-fażi li jmiss b’tant faċilità. Ovvjament, l-Ispanjol kellu jistenna diversi minuti sabiex ikun jaf l-eżitu tal-logħba, filwaqt li Djokovic kien qed jitkellem mal-uffiċjali tal-logħba waqt li spjegalhom x’kien ġara eżatt.

Novak Djokovic kien mistenni li jirbaħ dan l-Open, it-18-il wieħed fil-karriera tiegħu wara li diversi tennisti ta’ stoffa ma ħadux sehem minħabba l-pandemija, biss spiċċa skwalifikat mir-raba’ round tal-kompetizzjoni.

Il-Kanadiż Denis Shapovalov għadda għall-kwartifinali wara li fir-raba’ round għeleb lil David Goffin 6-7(0), 6-3, 6-4, 6-3. Shapovalov issa ser jaffaċċja lil Carreno Busta li għadda għal din il-fażi wara li Djokovic kien skwalifikat.

Il-Kroat Borna Coric ukoll għadda għall-kwartifinali meta għeleb lill-Awstraljan Jordan Thompson 7-5, 6-1, 6-3.

Alexander Zverev xejjen l-isfida ta’ Alejandro Davidovich Fokina 6-2, 6-2, 6-1 biex għadda għall-kwartifinali. Il-Ġermaniż ma tax nifs lill-Ispanjol matul il-logħba kollha.

 

Fil-kategorija tan-nisa kien hemm ftit sorpriżi mhux ħażin meta Jennifer Brady eliminat lil Angelique Kerber f’żewġ sets, 6-1, 6-4. B’hekk Brady għaddiet għall-kwartifinali ta’ Grand Slam għall-ewwel darba fil-karriera tagħha.

Anke Petra Kvitova spiċċat eliminata meta tilfet mal-Amerikana Shelby Rogers 7-6(5), 3-6, 7-6(6) f’waħda mill-aktar logħbiet missielta ta’ dan l-Open.

 

 

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA
Aħbarijiet Oħra

Iċ-Champion tal-Open tal-Istati Uniti Naomi Osaka mhux se tkun qed tikkompeti fl-edizzjoni tal-Open ta’ Franza li jmiss minħabba injury fil-hamstring. Il-Ġappuniża ta’ 22 sena weġġgħet fil-partita li kellha kontra Victoria…

Is-seed numru wieħed Novak Djokovic qal li ma jistax iwiegħed li matul il-karriera tiegħu ma jerġax jagħmel l-istess żball li swielu l-Open tal-Istati Uniti. Ftit tal-jiem ilu s-Serb kien skwalifikat…

L-Awstrijak Dominic Thiem rebaħ l-ewwel Grand Slam tal-karriera tiegħu meta rnexxielu jiġi minn żewġ sets minn taħt biex għeleb lill-Ġermaniż Alexander Zverev fl-Open tal-Istati Uniti. Qabel il-finali Thiem qal li…

Tennis US Open: It-tennista Ġappuniża Naomi Osaka rebħet il-finali tat-tournament tas-singles tan-nisa tal-Open tal-Istati Uniti meta rebħet kontra Victoria Azarenka tal-Belarus. Dan kien it-tielet titlu Grand Slam għat-tennista ta’ 22…

Aktar