Sports Internazzjonali
ARA: Tifel ta’ 11-il sena jikser rekord fl-iskateboarding

L-għeluq tal-iskejjel fil-Brażil minħabba l-imxija tal-coronavirus għen tifel ta’ 11-il sena sabiex jikser rekord li ilu mwaqqaf għal aktar minn 20 sena. Gui Khury sar l-ewwel skateboarder li rnexxielu jagħmel dawra ta’ 1080-grad fuq rampa vertikali.

Kien aktar minn 20 sena ilu meta Tony Hawk rnexxielu jagħmel dawra ta’ 900-grad, b’Khury jagħmel tliet spins fl-ajru qabel reġa’ niżel fuq ir-rampa. Dak li skateboarders professjonali ilhom jippruvaw jagħmlu għal dawn is-snin kollha, għamlu tifel li kellu ċ-ċans jipprattika aktar minħabba li mhux imur skola.

Skont missier it-tifel Ricardo Khury Filho, “il-coronavirus għen lit-tifel minħabba li qabel ħajtu kienet iddur madwar l-iskola u ma kellux biżżejjed ħin sabiex jittrenja u meta kien jasal lura d-dar kien ikun għajjien. Issa minħabba li qiegħed ikun il-ħin kollu d-dar, għandu opportunità jitħarreġ aktar, jiekol aħjar, u jista’ jiffoka fuq it-taħriġ li għenu immensament.”

Matul il-lockdown, ta’ kuljum, il-familja ta’ Gui Khury qed tagħmel vjaġġ ta’ madwar 20 minuta biex filwaqt li jwasslu l-ikel lin-nanna, it-tifel ikun jista’ jitħarreġ fuq rampa li għamlulu apposta fil-ġnien li nanntu għandha fuq wara tad-dar. F’kummenti li għadda t-tifel wara li kiser ir-rekord qal li ma setax jemmen li għamel tliet dawriet fl-ajru u kiser rekord li ilu mwaqqaf mill-1999. Fil-fatt, meta Hawk waqqaf ir-rekord tad-900-grad, Gui Khury kien għadu qas biss twieled. Hawk kien waqqaf ir-rekord meta kellu 31 sena, u Gui Khury irnexxielu jagħmel żewġ dawriet fl-ajru ta’ 8 snin, tliet snin ilu. Inqas minn tużżana skateboarders kien irnexxilhom jagħmlu l-istess bħalma kien għamel Tony Hawk fl-1999.

L-isfida ta’ Gui Khury issa hi li jibqa’ jippratika din il-mossa għaliex irid jerġa’ jagħmilha fil-kompetizzjonijiet li jieħu sehem fihom wara li tgħaddi l-pandemija tal-coronavirus. Min jaf, forsi t-tifel Brażiljan anke jipprova jagħmel erba’ dawriet fl-ajru u jilħaq l-1260-grad.

L-iskateboarding ser ikun wieħed mill-isport introdotti għall-ewwel darba fl-Olimpjadi ta’ Tokjo li ġew posposti għas-sajf tas-sena d-dieħla.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA