Futbol lokali
FILMAT: Arne Riise bl-ewwel rebħa tiegħu f’Malta ma’ Birkirkara

KAMPJONAT BOV PREMIER 2018/19

Birkirkara…….3

Pieta’…………..0

Birkirkara kisbu d-disa’ suċċess staġjonali wara rebħa komda ta’ 3-0 kontra Pieta’.

Fl-ewwel rawnd kien l-Istripes li għelbu lil Pieta’ bl-iskor ta’ 2-1.

Għaddew biss sitt minuti u l-Istripes kienu żvinturati li ma skorjawx. Kienet ġirja tipika ta’ Michael Mifsud li spiċċat b’xutt ta’ dan tal-aħħar li ġie milqugħ minn Vella sabiex mir-ribawnd kien Luke Montebello li laqat il-mimduda.

U wara li kienu ilhom jippruvaw, Birkirkara marru minn fuq wara 25 minuta logħob. Kien l-akkwist il-ġdid Maurizio Vella li għadda tajjeb lejn Matthew Guillaumier li wara li dar ma’ difensur b’xutt għar-rokna għeleb lil Vella għal 1-0.

Fit-38 minuta kien Montebello li rċieva mingħand Mifsud sabiex ix-xutt fil-baxx tiegħu ġie mxellef għall-korner. Mill-istess korner kien Cain Attard li bir-ras ra l-ballun sejjer għoli.

Fil-ħin mogħti żejjed mir-referi, Pieta’ ħolqu l-ewwel okkażjoni meta xutt ta’ Dylan Agius sab lil Naumowski attent.

Bl-ewwel taqsima tagħlaq b’Birkirkara 1-0 minn fuq.

Fit-62 minuta, azzjoni tajba ta’ Pieta’ bejn Chimezie u Calistus spiċċat bl-eks plejer Karkariż jixxuttja bil-ballun jispiċċa kemm kemm barra.

Minkejja kollox kienu l-Istripes li rduppjaw l-iskor meta kien Bezzina li qassam lil Jorginho li mingħajr ma qagħad jaħsibha xxuttja fil-baxx sabiex għamilhom 2-0.

Birkirkara għamluhom tliet fil-81 minuta meta kellna korner tas-sostitut Clayton Failla u daqqa ta’ ras ta’ Danilo Chapoval li spiċċat fix-xibka.

B’hekk id-direttur sportiv il-ġdid John Arne Riise seta’ jiċċelebra l-ewwel suċċess kemm ilu  ma’ Birkirkara u jittama li t-tim jibqa’ għaddej bl-istess ritmu.

Riżultat Finali: Birkirkara 3 Pieta’ 0

BOV Plejer tal-Logħba kien Matthew Guillaumier ta’ Birkirkara.

Referi kein Mario Apap.

 

Miktub minn...
TVM Sport
.
Aħbarijiet Oħra
Futbol lokali

Tħabbar li ż-żewġ logħbiet mill-kwartifinali tal-FA Trophy li kellhom jintlagħbu għada fl-istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali kienu mħassra minħabba l-maltemp. Fl-ewwel logħba ta’ għada Balzan kellhom jiltaqgħu kontra Tarxien u fit-tieni…

Futbol lokali

Birkirkara ppreżentaw l-akkwisti u l-isponsors il-ġodda f’konferenza stampa organizzata llum wara nofsinhar li ġiet indirizzata mill-President Frank Zarb, mid-Drettur Tekniku Michael Valenzia u mid-Direttur Sportiv John Arne Riise. Frank Zarb,…

Futbol lokali

Bejn għada u l-Ħadd, jintlagħbu l-erba’ kwarti tal-finali tal-FA Trophy, fejn minnhom iridu joħorġu s-semifinalisti għal dan l-istaġun. It-tmien kowċis li se jkunu nvoluti f’dawn il-partiti ngħaqdu f’daqqa fil-Millennium Stand…

Aktar