Arsenal jibdew iħejju għal ħajja wara Arsene Wenger

Futur inċert għall-iktar manager li ilu mal-istess klabb fil-Barclays Premier League.

Fi tmiem dan l-istaġun jiskadi l-kuntratt eżistenti ta’ Arsene Wenger bħala manager tal-Gunners, u għalkemm l-ikbar possibilta hija li huwa jġedded il-kuntratt b’żewġ staġuni oħra, l-umiljazzjoni tas-Sibt f’telfa ta’ 6-0 kontra Chelsea, internament bidlet xi ftit il-burdata fil-kamp ta’ Arsenal.

Fl-eventwalita li Wenger jirrifjuta li jġedded il-kuntratt tiegħu, Arsenal diġa għandhom pjan ta’ kontinġenza.

Il-Gunners diġa xeħtu għajnejhom fuq żewġ managers possibli li jistgħu jieħdu post il-Franċiż jekk dan jiddeċiedi li jwarrab wara tmintax-il sena fit-tmexxija fl-Emirates Stadium.

Dawn huma l-Ispanjol Roberto Martinez li qed iħalli mpressjoni tajba fl-ewwel staġun tiegħu fit-tmexxija ta’ Everton, wara li l-istaġun li għadda rebaħ l-FA Cup ma’ Wigan Athletic, u Jurgen Klopp li minn imkien għamel lill-Ġermaniżi Borussia Dotmund forza Ewropeja, fejn l-istaġun li għadda wassalhom sal-finali tal-UEFA Champions League, mitlufa f’Wembley Stadium kontra l-ġirien Bayern Munich bl-iskor ta’ 2-1.

Is-Sibt li għadda Arsene Wenger immarka l-1000 logħba tiegħu fit-tmexxija ta’ Arsenal fl-umiljazzjoni ta’ 6-0 fit-telfa barra minn darhom li l-Gunners sofrew kontra Chelsea.

Miktub minn...
Rodney Vassallo