Motorsport
ASMK Autocross f’Għawdex b’risq il-Fondazzjoni Arka

Fi tmiem din il-ġimgħa, l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi, l-ASMK, sa tmur fix-Xewkija, f’Għawdex bil-karozzi tal-Autocross. Din l-attività, sponsorjata minn ASMK u Pasta Poiatti sa tkun ir-raba’ waħda tax-xorta tagħha li l-ASMK sa tkun qed torganizza fil-gżira Għawdxija.

Dan il-programm qed jittella’ prinċipalment biex jinġabru fondi b’risq il-‘Fondazzjoni Arka’ li tagħmel ħafna xogħol siewi mar-residenti tagħha f’Għawdex u wkoll biex aktar nesponu dan il-motorsport tal-Autocross fost l-ispettaturi Għawdxin speċjalment dawk li jsibu diffikultà jinżlu f’Ta Qali, f’Malta.

Din ir-raba’ edizzjoni se ssir fil-korsa tal-Gozo Horse Racing Association fix-Xewkija. L-ASMK għal darb’oħra rnexxielha tasal għal ftehim mal-Assoċjazzjoni tat-tlielaq taż-żwiemel f’Għawdex biex nużaw il-kumpless Sportiv tagħhom għal din l-attività. Il-korsa temporanja qed tkun mibnija minn membri tal-ASMK fuq art kbira li tinsab fin-nofs tal-korsa taż-żwiemel, liema area ma tintużax għat-tiġrijiet taż-żwiemel. Din il-lokalità fiha spazju biżżejjed għal din l-attività bil-karozzi Autocross li għandu joffri spettaklu lill-ispettaturi li jattendu. Dan kollu hu possibbli bil-koperazzjoni sħiħa tal-Kumitat tal-korsa, speċjalment lill-President Ms. Mary Mifsud u l-Kumitat tal-Gozo Horse Racing Association.

Il-Ġimgħa u s-Sibt 8 u 9 ta’ Settembru mill-5pm ’ il quddiem se jsiru  l-provi, taħriġ u testing mis-sewwieqa Maltin u Għawdxin fuq il-korsa li qiegħda fi Triq ix-Xhajma fix-Xewkija waqt li t-tiġrijiet tal-Ħadd 10 ta’ Settembru jibdew fl-10:30am.

Il-kompetituri u spettaturi mistennija jagħtu donazzjoni kull wieħed li se tmur b’risq il-Fondazzjoni ARKA. Il-premjazzjoni lir-rebbieħa se ssir fuq il-post fi tmiem il-programm minn persuni distinti.

Iktar informazzjoni wieħed jista’ jsiba fis-sit elettroniku tal-Assocjazzjoni www.asmk.org.mt jew fil-paġni Facebook bl-isem A.S.M.K. Malta jew Assocjazzjoni Sport Muturi u Karozzi. Wieħed jista’ jagħmel kuntatt bl-email [email protected] jew mobile 9942 5489.

Miktub minn...
TVM Sport