Motorsport
ASMK: Farrugia, Zammit, Sultana u Chircop jiddominaw l-attività f’Għawdex

Matul tmiem il-ġimgħa ta’ bejn il-Ġimgħa 8 u l-Ħadd 10 ta’ Settembru 2017, l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi (ASMK), organizzat b’suċċess ir-raba’ attività bil-karozzi Autocross fix-Xewkija Għawdex. Din l-attività saret bil-kolaborazzjoni u l-għajuna tal-Ministru għal Għawdex li aktar kmieni dan ix-xahar offra l-appoġġ tiegħu għal żewgt attivitajiet li l-Għaqda tagħna torganizza f’din il-gżira, din tal-karozzi li saret nhar il-Ħadd u dik bil-muturi Enduro li se ssir fil-bidu tas-sena d-dieħla.

Ix-xogħol fuq il-korsa temporanja għal karozzi Autocross dam sejjer ġimgħa b’diversi xogħlijiet li saru bl-għajnuna ta’ ħaddiema tal-Gvern u l-uffiċjali tal-ASMK. Dan sar b’maniġġjar tajjeb ta’ riżorsi u makkinarju kemm li għandha l-ASMK, liema makkinarju ġie trasportat għal Għawdex u makkinarju ieħor li matul din il-ġimgħa ġew min diversi benefatturi u mill-Ministeru t’Għawdex ukoll.

L-Assoċjazzjoni tixtieq tirringrazzja wkoll lil Gozo Horse Racing Association (GHRA) li aċċettaw it-talba tal-ASMK għall-użu ta’ parti mill-korsa biex tinbidel f’korsa temporanja għal karozzi Autocross. Dan sar għal ftit jiem. Grazzi wkoll tal-koperazzjoni li kellna mill-Korp tal-Pulizja, mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet f’Għawdex, mill-Gozo Sports Board, Road Construction Ltd, Gatt Construction Ltd, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) u fl-aħħar u mhux l-inqas grazzi speċjali lill-Familja Apap mir-Rabat li assistew lill-Uffiċjali tal-ASMK f’kull problema li ltaqgħu magħha matul din il-ġimgħa ta’ tħejjija tal-korsa temporanja.

Waqt il-preżentazzjoni tat-trofej lill-kompetituri rebbieħa, Johnny Micallef Vici-President tal-Għaqda rringrazzja lil kulħadd u qal jekk l-għajnuna tkun provduta l-Assoċjazzjoni terġa torganizza avvenimenti bħal dawn kemm bil-karozzi kif ukoll bil-muturi f’Għawdex matul is-sena li ġejja.

Fi tmiem il-ġimgħa, fl-autocross bis-sewwieqa Maltin, rajna lil Jean Paul Grech fuq Peugeot 106 u Vince Farrugia fuq VW Polo jirreġistraw l-għola punteġġ tal-ġurnata. Minkejja li dawn ma rebħux il-heats kollha tal-ġurnata, xorta kienu l-ewwel sewwieqa li ssiġillaw posthom fil-finali tal-ġurnata. Magħhom ikkwalifikaw Jonathan Camilleri fuq Opel Corsa, Andrew Pisani fuq Vauxhall Nova, Karl Micallef fuq Ford Fiesta u Noel Zammit fuq Opel Corsa. Mat-tluq ta’ din il-finali, rajna lil Farrugia jagħmel ħruġ tajjeb segwit minn Pisani u Micallef. L-attenzzjoni marret mill-ewwel fuq Grech li mill-aħħar pożizzjoni beda javvanza sakemm wasal wara Micallef b’dan tal-aħħar jiddefendi postu sal-aħħar. Ftit qabel tmiem din il-finali, Pisani żviluppatlu ħsara mekkanika fir-rota ta’ quddiem fejn kellu jċedi postu. Ir-riżultat finali jispiċċa b’Farrugia fl-ewwel post segwit minn Micallef u Grech.

Fl-Autocross bis-sewwieqa Għawdxin, rajna lill Domenic Zammit fuq Alfa Sud jirbaħ il-finali Klassi A segwit minn Marvin Grima fuq Opel Corsa. Fit-tielet post, spiċċa Joseph Agius fuq Ford Fiesta filwaqt li fir-raba’ post spiċċa Mario Attard fuq Ford Fiesta wkoll.

Fil-Finali Klassi B, bis-sewwieqa Għawdxin rajna lil Marvic Sultana fuq Toyota Starlet jirbaħ din il-finali segwit minn Joseph Gauci fuq Alfa Sud. Fit-tielet post spiċċa Godwin Mizzi fuq Honda Civic filwaqt li fir-raba’ post spiċċa Lawrence Attard fuq Peugeot 306.

Fl-Autocross Standard bis-sewwieqa Maltin kienet mirbuħa minn Nicovich Chircop fuq Peugeot 106 segwit minn Joseph Spiteri fuq Opel Corsa. Fit-tielet post spiċċa Joseph Micallef fuq Opel Nova waqt li fir-raba’ post spiċċa Karl Curmi fuq Opel Corsa. Fil-ħames post daħal Kyle Agius fuq Renualt 5.

L-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi mistennija tħabbar il-kalendarju tal-istaġun 2017/2018 fil-jiem li ġejjin.

Miktub minn...
TVM Sport