Motorsport
ASMK – Għada s-Sibt l-ewwel attività bil-lejl

Tmiem il-ġimgħa se jkun impenjattiv għall-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi. Fil-Kumpless Sportiv tal-Assoċjazzjoni f’Ta’ Qali, għada s-Sibt 17 ta’ Gunju 2017, se tiġi organizzata l-ewwel attività bil-lejl f’dan l-istagun.

Din l-attività li hi parti mill-Kampjonat ASMK Pasta Poiatti 2016/2017, se tkun tikkonsisti fis-seba’ tiġrija bil-muturi Motocross u d-disa’ tigrija bil-Karozzi Autocross.

Il-progamm jibda fl-4:00pm bil-muturi filwaqt li fis-7:00pm jibdew il-karozzi u jibqgħu sejrin sa tard bil-lejl taħt dawl artifiċjali.

Din il-ġurnata se tkun waħda speċjali għall-fatt li matulha se tagħmel żjara l-President ta’ Malta, l-Eċċellenza tagħha Marie Louise Coleiro Preca fejn se tara u ssegwi l-ħidma tal-Assoċjazzjoni mill-viċin.

F’din l-attività, l-Assoċjazzjoni se tkun qed tippreżenta s-somma li nġabret f’Jannar 2017 waqt attività speċjali b’risq il-Malta Community Chest Fund.

L-impenji tal-Assoċjazzjoni jkomplu wkoll il-Ħadd 18 ta’ Ġunju 2017 fejn is-sezzjoni Enduro se tkun qed torganizza l-aħħar attività mill-Kampjonat ASMK Pasta Poiatti 2016/2017.

Il-programm se jsir fil-Barriera tal-Ballut, Limiti ta San Pawl tat-Targa. Il-programm jibda fl-10:00am.

Miktub minn...
TVM Sport