Formula 1
Aston Martin jikkonfermaw lil Vettel u Stroll għall-istaġun 2022

It-tim Aston Martin ikkonferma s-sewwieqa tiegħu għall-istaġun li ġej. L-erba’ darbiet champion tad-dinja Sebastien Vettel ser jakkumpanja lil Lance Stroll, li jiġi t-tifel tal-kap tat-tim.

Għal Vettel dan huwa l-ewwel staġun m’Aston Martin, meta ngħaqad magħhom mingħand il-Ferrari. It-titli li rebaħ fil-karriera tiegħu rebaħhom meta kien itellaq mar-Red Bull. Il-Kap Eżekuttiv Lawrence Stroll ikkonferma li l-Ġermaniż ser jibqa’ mat-tim wara li aktar kmieni din il-ġimgħa bdew ħerġin xnigħat li Vettel jista’ jitlaq fi tmiem din is-sena.

Fil-preżent it-tim t’Aston Martin qed jibni fabbrika f’Silverstone, ir-Renju Unit. Barra minn hekk, qed jiddaħħlu numru ta’ ħaddiema ġodda bit-tama li t-tim jisfida għall-unuri bejn tlieta u ħames snin oħra.

Fl-2022 Stroll ser jibda s-sitt staġun tiegħu fil-Formula 1 wara li ddebutta mal-Williams fl-2017.

Huma diversi timijiet żgħar li qed jittamaw ħafna fuq l-istaġun li ġej minħabba r-regolamenti l-ġodda tal-Formula 1. Ir-regolamenti ser jikkonċentraw dwar l-aerodinamiċità, sabiex it-tlielaq ikun aktar kompetittivi bejn kulħadd.

It-tim t’Aston Martin ilu jibdel ismu għal diversi drabi. Fl-1991 kienu magħrufa bħala Jordan, imbagħad irritornaw fil-Formula 1 taħt l-isem ta’ Force India. Dak l-isem inbidel għal Racing Point u issa Aston Martin. Fil-preżent it-tim jinsab fis-7 post fil-klassifika tal-kostrutturi, minn għaxar kompetituri. S’issa t-tim għadu ma laħaqx it-tragward tas-sena li għaddiet meta temmew fir-raba’ post tal-klassifika, avolja tnaqqsulhom 15-il punt. Li kieku ma tnaqqsulhomx dawk il-punt, saħansitra kienu jispiċċaw fit-tielet post, quddiem il-McLaren.

Matul dan l-istaġun Aston Martin ħadu daqqa ta’ ħarta fil-punti fil-Grand Prix tal-Ungerija, meta dakinhar Vettel temm fit-tieni post, iżda aktar tard safa skwalifikat minħabba li ma kienx fadallu biżżejjed fuel fil-karozza fi tmiem it-tellieqa.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA