Atletika
Athletics Malta bi struttura ġdida għat-Tim Nazzjonali
Tibda t-triq tal-aqwa atleti Maltin lejn il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar

Minkejja l-isfidi li l-2020 wassal fuq il-komunità tal-atletika Maltija, it-tim ta’ Athletics Malta kompla bil-ħidma kontinwa tiegħu biex iżid il-profil u l-livell tal-isport f’pajjiżna u jħejji għall-oġġettivi internazzjonali importanti tas-snin li ġejjin.

Filwaqt li kull staġun iġib miegħu appuntamenti ta’ interess għall-aqwa atleti ta’ pajjiżna, il-mira ewlenija tal-Assoċjazzjoni issa hi ffukata fuq il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li se jsiru f’pajjiżna fl-2023, li għal ħafna atleti jistgħu jkunu l-apiċi tal-karriera tagħhom.

B’dan f’moħħha, Athletics Malta ikkonkludiet it-twaqqif ta’ strutura ġdida għat-Tim Nazzjonali bl-għan li twassal prestazzjonijiet aqwa mill-atleti Maltin, bl-għan li dawn jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom sa dan l-avveniment.

Bl-appoġġ tal-aqwa u l-aktar kowċis ta’ esperjenza f’Malta, twaqqfu numru ta’ gruppi skont il-kategoriji differenti biex tingħata gwida professjonali li twassal għall-aqwa preparazzjonijiet għal dawn il-Logħob.

Flimkien mal-Kumitat Olimpiku Malti u SportMalta, il-kumitat tekniku ta’ Athletics Malta hu ffurmat mid-Direttur Tekniku Andy Grech, il-Head Coach Coordinator Mario Bonello u l-Konsulent tal-Coaching Antonio Laguardia.

Fl-aħħar ġimgħat, Athletics Malta kienet impenjata f’ħidma sfiqa biex mhux biss tistabbilixxi din l-istruttura iżda tieħu ħsieb ukoll elementi relatati fosthom adattament tal-kalendarju tal-avvenimenti lokali, allokazzjoni ta’ baġits, xiri ta’ tagħmir, identifikazzjoni ta’ kampijiet ta’ taħriġ u investiment f’sens ta’ għaqda biex ikun żgurat li l-Logħob tal-2023 jitnaqqxu fl-istorja tal-isport Malti.

Ir-Road Running League ta’ Malta għall-2021

L-ewwel tellieqa tal-Kampjonat Nazzjonali kellha ssir fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet f’L-Aħrax tal-Mellieħa. Minkejja l-prekawzjonijiet stretti meħuda minn Athletics Malta u anke l-fatt li l-maġġoranza tal-permessi kienu nkisbu, it-tellieqa kellha tiġi posposta fid-dawl taż-żieda riċenti ta’ każijiet ta’ Covid-19 f’Malta. L-Assoċjazzjoni se tkun qed tiskeda t-tlieqla skedati fl-aħħar xahrejn tal-2020 fil-bidu tas-sena d-dieħla.

Miktub minn...
TVM Sport
.