Olimpijadi TOKYO 2020
Atleti u kontinġenti milqugħin bil-kbir f’pajjiżi differenti

Matul l-aħħar sigħat, l-aħħar atleti li kien fadal Tokjo rritornaw pajjiżhom wara numru ta’ jiem fil-kapitali Ġappuniża biex jieħdu sehem fl-Olimpjadi.

L-atleta Amerikana Allyson Felix irritornat f’Los Angeles bħala l-atletam li rebħet 10 midalji f’Olimpjadi. Felix hija t-tieni atleta Amerikana li laħqet dan it-tragward wara li f’Tokjo rebħet il-bronż fl-400 metru, filwaqt li rebħet id-deheb fir-relay tal-4x400m. L-atleta ta’ 35 sena għandha sitt midalji tad-deheb, tlieta tal-fidda u waħda bronż.

 

Wasal ukoll l-isprinter Taljan Lamont Marcell Jacobs, li apparti li kien mibgħut biċ-ċapċip mill-ajruport ta’ Tokjo, intlaqa’ b’ferħ kbir fi Fiumicino. Jacobs kien is-sorpriża tal-Olimpjadi meta rebaħ il-100 metru tal-irġiel u aktar tard il-4x100m. Jacobs sar l-ewwel Taljan li qatt rebaħ il-100 metru, fejn saħansitra waqqaf rekord Ewropew ta’ 9.80 sekondi.

 

Anke f’Moska, l-atleti Russi ngħataw merħba kbira hekk kif kienu meħuda fil-Pjazza l-Ħamra dirett mill-ajruport. F’din l-edizzjoni tal-Olimpjadi, l-atleti Russi kkompetew taħt l-isem u l-bandiera tal-Kumitat Olimpiku Russu minħabba s-sanzjoni fuq il-pajjiż sal-2022. Il-Kumitat Olimpiku Russu mar lura l-pajjiż b’total ta’ 71 midalja, 21 minnhom tad-deheb.

 

Merħba wkoll kbira lill-atleti Brittaniċi li rritornaw Londra b’numru sabiħ ta’ midalji. Kienu bosta l-familjari tal-atleti li kienu qed jistennew fl-ajruport ta’ Heathrow, biċ-ċiklisti Jason Kenny u Laura Kenny ħarġu fuq quddiem imexxu lil sħabhom. Numru ta’ partitarji tal-boxing kienu qed jistennew lir-rebbieħ tal-midalja tad-deheb fil-Flyweight, Galal Yafai. Merħba kbira wkoll għall-boxers Lauren Price u Frazer Clarke li niżlu f’Londra bil-midalji magħhom. Il-Gran Brittanja temmet l-Olimpjadi b’total ta’ 65 midalja, li kienu maqsuma fit 22 tad-deheb, 21 fidda u 22 bronż.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA