Futbol internazzjonali
Atlético jirbħu l-finali tal-UEFA Europa League

Marseille…………….0

Atlético Madrid….3

 

L-ewwel tazza Ewropea tmur Spanja, meta fl-iStade de Lyon, Atlético Madrid għelbu lil Marseille fil-finali tal-UEFA Europa League bl-iskor ta’ 3-0. Din kienet it-tielet darba li Atlético rebħu din il-kompetizzjoni, bil-plejer Antoine Griezmann jagħti l-aħħar rigal lit-tim tiegħu u l-partitarji qabel mhu se jħalli lill-Madrileni biex jingħaqad ma’ Barcelona.

Fid-19-il minuta Marseille kellhom ċans lejn il-lasti meta Payet prova x-xutt imma Oblak irnexxielu jsalva. Mal-21 minuta Atlético fetħu l-iskor meta Gabi għadda l-ballun ′il quddiem lejn Antoine Griezmann, li waħdu quddiem il-goaler, bix-xellug tefa’ fix-xibka għal 1-0. Marseille pruvaw iwettqu xi tip ta’ reazzjoni, biss l-Ispanjoli għarfu jagħlqu tajjeb u naqqsu wkoll ir-ritmu tal-logħba.

Mad-49 minuta reġa’ kien Antoine Griezmann li kien providenzjali għal Atlético meta rnexxielu jsib ix-xibka għat-tieni darba f’din il-finali. Kien il-bdil tal-ballun bejnu u bejn Koke, bil-Franċiż għal darb’oħra jerġa’ juża x-xellugija sabiex jitfa’ wara Mandanda għal 2-0. Bir-riħ fil-qala’ l-Ispanjoli bdew ifittxu t-tielet sabiex jagħlqu l-logħba u bdew iġiegħlu lill-Franċiżi jwettqu diversi żbalji.

Mal-71 minuta Mandanda kellu jkun attent biex b’save sabiħ itajjar. Fil-81 minuta Marseille kienu sfortunati li ma daħlux lura fil-logħba meta mill-cross mil-lemin Mitroglou għola tajjeb imma d-daqqa ta’ ras tiegħu stampat mal-lasta bil-ballun jinbeżaq lura. 84 minuta u Oblak żamm il-lasta tiegħu intatta meta Amavi prova x-xutt imma l-goalkeeper t’Atlético kien attent biex salva.

Fid-89 minuta l-Ispanjoli għalqu l-logħba. Kien Koke li waqqa’ l-ballun lura lejn Gabi, u mal-kontroll, b’xutt bil-lemin mill-isbaħ għeleb lil Mandanda għal 3-0. B’dan il-goal Gabi sar l-ixjeħ plejer li skorja goal fil-finali tal-UEFA Europa League fl-età ta’ 34 sena.

Fl-aħħar minuti Atlético ppreservaw ir-riżultat biex b’hekk rebħu din il-kompetizzjoni għat-tielet darba fl-istorja tagħhom. B’hekk fadal finali waħda tal-UEFA, dik tal-UEFA Champions League li tintlagħab f’Kiev nhar is-Sibt 26 ta’ Mejju bejn Liverpool u Real Madrid.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm Kontrattakk.
Aħbarijiet Oħra
Futbol internazzjonali

Il-logħba tal-lejla bejn il-Montenegro u l-Ingilterra se tkun qed tixxandar diretta fuq il-website tvm.com.mt/sports. Montenegro – Ingilterra hi logħba minn Grupp A ta’ kwalifikazzjoni għall-kampjonat Ewropew Uefa Euro 2020. Il-logħba…

Futbol lokali

Kollox qed jindika li l-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali għada se jkun mimli kollu għal-logħba bejn Malta u Spanja li se tkun qed tintlgħab fid-8.45pm. Il-logħba li hi valida minn Grupp…

Futbol internazzjonali

Il-bieraħ bdew it-tieni logħbiet tal-gruppi ta’ kwalifikazzjoni għall-Euro 2020, b’telfa sorpriża għall-Kroazja barra minn darhom għand l-Ungerija, filwaqt li l-Ġermanja rnexxilhom joħoġru rebbieħa fl-Olanda bl-iskor ta’ 3-2.Rebħiet ukoll għar-Russja, l-Iskozja…

Futbol internazzjonali

Kwalifikazzjoni Kampjonat Euro UEFA 2020 European Qualifiers – Grupp F Malta…………….. 2 Gżejjer Faroe……1 Malta bdiet bl-aħjar mod l-impenji tagħha fil-kampjonat Ewropew 2020 meta f’Ta’ Qali f’logħba mill-iktar eċċitanti għeleb…

Aktar