Atletika
Atletika: Charlton Debono b’rekord nazzjonali ġdid għan-Nofs Maratona

Wieħed mill-aqwa atleti Maltin, Charlton Debono, għadu kif irreġistra rekord nazzjonali ġdid għan-Nofs Maratona, meta, għat-tielet darba, kiser ir-rekord nazzjonali tiegħu stess b’minuta u 25 sekonda.

Ir-rekord nazzjonali ġie rreġistrat matul id-29th Valencia Half-Marathon Trinidad Alfonso EDP, b’parteċipazzjoni rekord ta’ aktar minn 17,000 atleta. Charlton Debono, li huwa għalliem minn Għawdex, spiċċa t-tellieqa f’1:07:46”.

“Dan ir-riżultat huwa dak li tħarriġt għalih” qal ftit tal-ħin wara li ntemmet it-tellieqa.

“Tajt l-aħjar tiegħi, u spiċċajt it-telliqea b’2.54 minuta fl-aħħar kilometru. In-Nofs Maratona ta’ Valencia kienet bla dubju l-aqwa prestazzjoni tiegħi sal-lum, ġurnata sabiħa li se nibqa’ niftakar.”

Debono, li riċentament ingħaqad ma’ Evolve Endurance Club, qal li din kienet ġurnata sabiħa ħafna għall-klabb. Ħdax-il atleta ieħor mill-istess klabb, ipparteċipaw ukoll fil-maratona b’riżultati tajbin.

Debono rringrazzja lill-isponsors tal-klabb, speċjalment lil AQA Capital u l-kowċ tal-klabb, Has Kesra.

Fl-ewwel ta’ Diċembru li ġej, Charlton Debono se jkun qed jerġa’ jitla’ Valencia, din id-darba biex jieħu sehem għall-ewwel darba tiegħu, fil-Maratona.

Miktub minn...
TVM Sport
Aħbarijiet Oħra
Atletika

L-istilla tal-Afrika t’Isfel tal-atletika Luvo Manyonga, rebbieħ tal-Midalja tad-Deheb fil-Kampjonati Dinjija tal-2017, reġa’ xellef idejh mal-ġustizzja meta din id-darba nqabad taħt effett qawwi tal-alkoħol. Manyonga kien rebaħ ukoll il-Midalja tal-Fidda…

Atletika

Il-leġġenda tal-atletika Usain Bolt sar missier għall-ewwel darba. Bolt u s-sieħba tiegħu Kasi Bennett kellhom l-ewwel wild il-Ħadd li għadda, tifla li l-isem għadu ma tħabbarx. L-aħbar għamilha uffiċjali l-Prim…

Atletika

Atletika: Għada Athletics Malta jew aħjar il-Malta Amateur Athletics Association mistennija jkollha President ġdid hekk kif se tkun organizzata l-Laqgħa Ġenerali Annwali permezz ta’ Video Conference. Oriġinalment il-Laqgħa Annwali kienet…

Aktar