Atletika
Atletika: Erba’ atleti Maltin għall-Kampjonati Dinjija tan-Nofs Maratona

Erba’ atleti Maltin ħallew Malta għal Gydnia, fil-Polonja, fejn nhar is-Sibt se jieħdu sehem fil-Kampjonati Dinjija tan-Nofs Maratona.

Lisa Bezzina, Joelle Cortis, Charlton Debono u Stefan Azzopardi se jkunu qed jirrappreżentaw lill-pajjiżna f’dan l-avveniment ta’ darba f’sentejn li oriġinarjament kien skedat għal aktar kmieni din is-sena, iżda li kien ġie pospost minħabba l-pandemija tal-coronavirus.

Id-delegazzjoni hi mmexxija minn Andy Grech, President ta’ Athletics Malta, akkumpanjat milll-Endurance Coach tat-Tim Nazzjonali, Ivan Rozhnov.

Dawn l-atleti se jkunu qed jiġru d-distanza ta’ 21.1k flimkien ma’ wħud mill-aqwa talent madwar id-dinja, fosthom Joshua Cheptegei tal-Uganda, li fl-aħħar tliet xhur kiser żewġ rekords dinjija fuq id-distanzi ta’ 5 u 10 kiometri. Fost in-nisa, Netsanet Gudeta, se tkun qed tiddefendi it-titlu li rebħet sentejn ilu f’Valencia.

Bi tħejjija għal dan l-avveniment, l-erba’ atleti ħadu sehem f’kamp ta’ taħriġ ta’ tliet ġimgħat fil-muntanji f’Font Romeu, fi Franza, biex ikun żgurat li huma jingħataw preparazzjoni professjonali għal dan l-appuntament importanti.

Minħabba l-pandemija tal-coronavirus, kontra dak li jiġri s-soltu, se jkunu jistgħu jieħu sehem biss atleti elite, filwaqt li t-tiġrija miftuħa għall-pubbliku ġiet kanċellata. Madankollu, World Athletics (WA) qed tħeġġeġ lid-dilettanti kollha tal-ġiri biex jiġru nofs maratona fis-17 ta’ Ottubru. Dan jista’ jsir permezz ta’ reġistrazzjoni elettronika, mingħajr ħlas, fuq AllYouNeedIsRunning.com.

Qabel id-delegazzjoni ħalliet pajjiżna, Andy Grech, President ta’ Athletics Malta qal: “Dan hu wieħed mill-aktar appuntamenti importanti għall-komunità atletika Maltija. Bħala assoċjazzjoni ridna nagħtu lill-atleti tagħna l-aqwa tħejjija possibbli minkejja l-isfidi li kellna quddiemna fl-aħħar xhur. L-erba’ atleti għamlu l-almu tagħhom fl-aħħar ġimgħat u ninsab ħerqan biex nara prestazzjoni mill-aqwa nhar is-Sibt”.

 

Miktub minn...
TVM Sport
.