Atletika
Atletika – Jinkisru rekords nazzjonali minn Jordan Gusman, Daniel Saliba u Peppijna Dalli

It-Tim Nazzjonali Malti tal-atletika kellu wirjiet mill-aqwa fil-Kampjonati Ewropej tat-Timijiet li saru f’Limassol, Ċipru. It-tim Malti spiċċa fis-sitt post minn sittax-il assoċjazzjoni fit-Third League.

Matul dawn il-Kampjonati Ewropej l-atleti Maltin kisru tliet rekords nazzjonali u għadd ta’ rekords staġjonali u personali.

L-atleta Jordan Gusman rebaħ it-tellieqa tat-3,000 metru f’ħin ta’ 7 minuti 53.70 sekondi, fejn mhux biss waqqaf rekord nazzjonali iżda kiseb l-aqwa ħin fl-erba’ diviżjonijiet tal-Kampjonati Ewropej tat-Timijiet, inkluż tas-Super League. Gusman spiċċa fit-tieni post fit-tellieqa tal-1,500m f’ħin ta’ 3 minuti 50.38 sekondi.

Iż-żewġ rekords nazzjonali l-oħra twaqqfu minn Daniel Saliba fil-110m hurdles (14.96s) u Peppijna Dalli b’qabża ta’ 3.80m fil-Pole Vault, fejn spiċċat it-tieni.

Riżultati tajbin ħafna nkisbu wkoll mit-tim tar-relay tan-nis fil-4x100m. It-tim, iffurmat minn Claire Azzopardi, Carla Scicluna, Sara

h Busuttil u Charlotte Wingfield, spiċċa fit-tielet psot b’46.27s. Claire Azzopardi kisbet it-tielet post fil-long jump (5.84m), l-istess pożizzjoni ta’ Lisa Bezzina fit-tellieqa tal-5,000 metru, rekord staġjonali ta’ 17-il minuta 21.06 sekondi.

Fost l-atleti żgħażagħ, Carla Scicluna spiċċat ir-raba’ fil-200m bl-aħjar ħin għaliha ta’ 24.77s filwaqt li Dillon Cassar daħal fil-ħames post fil-5,000 metru. Cassar kiser il-ħin personali tiegħu meta għamel id-distanza f’14-il minuta u 34.93 sekondi, u b’hekk kien inqas minn nofs sekonda bogħod minn rekord nazzjonali li ilu hemm għal 26 sena.

Il-parteċipazzjoni tat-tim nazzjonali Malti fil-Kampjonat Ewropew tat-Timijiet f’Ċipru kien possibbli bl-appoġġ tal-Kumitat Olimpiku Malti u Sport Malta.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA